Investiment Ta’ €60,000 Għal Neuro-Gym F’Dar Bjorn
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes u l-fundatur ta’ ALS Malta Bjorn Formosa ltqagħu f’Dar Bjorn f’Ħal Qormi fejn ngħatat donazzjoni ta’ €60,000 biex jinħoloq neuro-gym ġewwa r-residenza l-ġdida ta’ Dar Bjorn.
Erba’ snin ilu ġiet inawgurata Dar Bjorn, fejn 13-il resident li jbatu mill-marda newroloġika tal-ALS qed jiġu ospitati. ALS Malta tagħti s-servizzi tagħha lil persuni li jbatu minn kundizzjonijiet newrodeġenerattivi oħra apparti l-ALS, bħal Multiple Sclerosis, Huntington’s Disease u Parkinson’s Disease fost oħrajn.
Il-Ministru Roderick Galdes spjega li d-dar hija l-qafas li fuqu sserraħ il-kwalità tal-ħajja tagħna, u tkun taħseb u tkopri l-bżonnijiet kollha ta’ kull min tilqa’ fiha. “Fil-verità dan hu l-mudell li adottajna fil-qasam tal-akkomodazzjoni. Aħna bbażajna l-ħidma tagħna fuq stħarriġ tal-bżonnijiet tan-nies, u soluzzjonijiet speċifiċi biex nindirizzawhom.”
Dan in-neuro-gym se jkun qed joffri servizz kliniku fejn il-pazjenti se jkollhom aċċess għan-newroriabilitazzjoni. Permezz ta’ sessjonijiet ta’ fiżjoterapija dawn il-pazjenti se jkollhom l-opportunità li jżommu l-abilità funzjonali billi jipprattikaw attivitajiet tal-ħajja ta’ kuljum, mobilità u mixi, fost oħrajn. Se jkun qed jippromwovi wkoll stil ta’ ħajja attiva irrispettivament mill-kundizzjoni u d-diżabilità. It-tagħmir ħa jkun qed inaqqas ukoll l-uġigħ u jipprovdi aktar kumdità lil dawn il-pazjenti.
Il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u l-Awtorità tad-Djar dejjem kienu lesti li jikkollaboraw ma’ għaqdiet li għandhom għarfien dwar realtajiet partikolari, u dan qed isir ukoll ma’ Dar Bjorn, residenza li toffri servizzi u faċilitajiet speċjalizzati għall-bżonnijiet tar-residenti, iżda wkoll dar fil-komunità li toffri sens ta’ normalità.
“Ir-residenti f’din id-dar jixirqilhom l-aqwa servizzi biex jgħixu ħajja ta’ kwalità. Il-gvern permezz tal-Awtorità tad-Djar se jgħin lil din ir-residenza fil-komunità b’donazzjoni ta’ €60,000 biex jinħoloq neuro-gym li se jkompli jattrezza Dar Bjorn bl-aqwa riżorsi biex ir-residenti jgħixu l-ħajja ta’ kwalità li tixirqilhom”, temm jgħid il-Ministru Galdes.
Min-naħa tiegħu Bjorn Formosa beda billi rringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi kollu tal-ġenerożità kbira li wrew ilbieraħ waqt il-programm ta’ ġbir ta’ fondi. “Xtaqt nagħti ringrazzjament speċjali lill-Ministru Roderick Galdes u lill-Awtorità tad-Djar li għoġobhom jisponsorjaw il-proġett tan-neuro-gym li se jkollna ġewwa Dar Bjorn il-ġdida. Din mhix biss għotja ta’ flus, iżda se twassal għall-aqwa gym newroloġiku li se jkollna ġewwa Malta. Grazzi tal-għajnuna li tajtuna”, temm jgħid is-Sur Formosa.
Ritratti: DOI/MSA