“Bżonn Ta’ Pjan Serju U Sostenibbli Għas-Settur Turistiku” – Il-Kap Tal-PN Bernard Grech
“Fis-settur tat-turiżmu hemm bżonn pjanijiet short, medium u long term. Il-Partit Nazzjonalista minn dejjem ta l-importanza lis-settur turistiku u għalhekk sostna li rridu nagħfsu fuq il-kwalità li jista’ joffri pajjiżna. Dan meta sfortunatament bħalissa isem pajjiżna jinsab fuq il-mappa għal raġunijiet ħżiena fosthom wara l-greylisting tal-FATF.”
Saħaq dan il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt li kien qed jindirizza laqgħa li saret mal-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u Ristoranti Maltin (MHRA) u li fiha ġie ppreżentat bid-dokument ta’ qabel il-budget.
Il-Kap tal-PN spjega wkoll li l-pajjiż ma jistax jibqa’ jbiddel b’mod radikali l-pjanijiet tiegħu minn lejl għal nhar kif kien qed ikollu fl-aħħar snin u hemm bżonn li ma nibqgħux inħallu l-estetika u l-ambjent ta’ pajjiżna jitkissru bil-mod kif qed jitkissru.
Bernard Grech semma wkoll il-proposti tal-Partit Nazzjonalista 2 + 8 li ppreżenta aktar kmieni din is-sena kollha intiżi biex jerġgħu jagħtu l-ispinta li s-settur tat-turiżmu tant għandu bżonn.
Min-naħa tiegħu Tony Zahra l-President tal-MHRA qal li t-turiżmu qatt ma ra kollass daqshekk kbir u għalhekk hemm bżonn ta’ pjan fit-tul li jkun sostenibbli. Spjega wkoll li l-proposti tal-MHRA għat-turiżmu huma mibnija fuq tliet pilastri: People, Planet, Prosperity… Il-poplu, il-pjaneta u l-prosperità. Il-President tal-MHRA spjega kif fejn jidħol turiżmu pajjiżna jrid iħares lil’hinn mill-ħames snin li ġejjin.
Għal din il-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mid-deputati, Mario Demarco, u Claudio Grech u l-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Joe Giglio.