L-Avukati Fil-Qorti T’Għawdex Jibdew Strajk Minn Għada
Sakemm ikun hemm risposti ċari dwar kif u meta ser jiġu rimedjati n-nuqqasijiet serji biex ix-xogħol fil-Qrati jkun jista’ jimxi b’mod normali, l-Avukati li jipprattikaw u jidhru quddiem il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Għawdex fil-kompetenza tagħha Ċivili Superjuri, Ċivili Inferjuri kif ukoll Kriminali qed jieħdu azzjoni li b’effett minn għada 30 ta’ Settembru 2021 ma jattendux għas-seduti li jinżammu fil-Qorti ta’ Għawdex.
Fi stqarrija li ħarġu dalgħodu, l-avukati qalu li dana qed isir bl-ebda diżrispett lejn l-Awtorità tal-Qorti jew il-klijenti tagħhom iżda biss għax jemmnu li dan huwa l-uniku mod li ilmenti li l-avukati, l-klijenti tagħhom, il-ħaddiema tal-Qorti t’Għawdex kif ukoll il-Maġistrati li jippresjedu fil-Qorti t’Għawdex ilhom jagħmlu, jiġu ndirizzati f’qasir żmien u b’mod effettiv sabiex is-sistema tal-Ġustizzja f’Għawdex tkun tista’ taħdem b’mod normali.
L-avukati tennew li dan qed isir ukoll għaliex minkejja l-isforzi tagħhom f’Ġunju 2021 sabiex jattiraw l-attenzjoni tal-awtoritajiet kompetenti u minkejja li għaddew erba’ xhur, il-Qorti ta’ Għawdex sallum għadha mingħajr Assistent Reġistratur; għadha b’nuqqas ta’ staff imħarreġ u kkwalifikat; qiegħdha topera mingħajr ebda Marixxal stazzjonat Għawdex fuq bażi full-time; id-Deputati qed jirrinfaċċjaw diffikultajiet minħabba n-nuqqas ta’ ħaddiema; in-nuqqasijiet serji fil-binja tal-Qorti li ġew identifikati f’rapporti separati mill-Kummissjoni għall-Persuni b’Diżabilità u mill-Awtorità tas-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol ġew totalment injorati; Uuud mill-proċessi għadhom ma humiex qed jinstabu u wisq anqas ma huma qed jinstabu d-dokumenti li suppost huma inseriti ġol-istess; l-inġunzjonijiet mhux qed jiġu pproċessati b’dana illi tasal il-ġurnata tas-smigħ tas-seduta u t-taħrika lanqas tkun għadha ddaħlet fil-proċess; it-traskrizzjonijiet ma humiex qed isiru fil-ħin; id-dokumenti kollha, rikorsi, risposti u noti mhux qegħdin jiġu ipproċessati b’dana illi lanqas biss jaslu a konjizzjoni tal-ġudikant u/jew tal-partijiet fiż-żmien opportun; id-dokumenti lanqas ma huma qed jiġu rintraċċjati fuq is-sistema interna tal-Qrati (Lecam); xejn ma hu qed jiġi skanjat u d-digrieti mhux qed jiġu kkomunikati lill-partijiet interessati.