Il-Kunsill Malti Għax-Xjenza U T-Teknoloġija Nieda Fond Komunitarju STEM

 Il-Kunsill Malti Għax-Xjenza U T-Teknoloġija Nieda Fond Komunitarju STEM

Fl-isfida biex jitnaqqas id-distakk bejn ix-xjenza u l-komunità, iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza Esplora, qed jesplora u jħares lejn modi u mezzi għar-riċerkaturi biex jinvolvu ruħhom fi djalogu mal-komunitajiet lokali u jqajmu kuxjenza dwar ir-rilevanza tax-xjenza għas-soċjetà. Esplora jmexxi dan bħala chair tal-iSTEM Engagement Working Group’ li twaqqaf fl-2019 biex primarjament jindirizza n-nuqqas ta’ ħiliet STEM – ix-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika. Il-grupp huwa magħmul minn stakeholders ewlenin nazzjonali fil-qasam STEM. Kompost mill-Università ta’ Malta (UM), il-Kulleġġ Malti għall-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST), il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Istitut għall-Edukazzjoni, il-JobsPlus, il-Kunsill għall-Ħiliet Nazzjonali u Tech.mt.

Il-Fond tal-Komunità STEM ta’ €24,000, tnieda mill-Onorevoli Owen Bonnici, Ministru għall-Ugwaljanza, r-Riċerka u l-Innovazzjoni, flimkien ma’ Dr Jeffrey Pullicino Orlando, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, fit-28 ta’ Settembru waqt konferenza stampa fil-kappella fil-binja prinċipali tal-MCST, Villa Bighi, il-Kalkara. Dan il-fond twaqqaf bħala parti minn din it-tfittxija biex jipprovdi mezz għar-riċerkaturi u l-komunitajiet biex jingħaqdu flimkien u jindirizzaw interessi li jkunu ta’ benefiċċju għall-komunità kollha kemm hi.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici qal li dan huwa sforz ieħor sabiex inkomplu nqarrbu x-xjenzi lejn iċ-ċittadini. “Meta n-nies fil-komunità jesperjenzaw ix-xjenza u l-benefiċċji tar-riċerka mill-qrib,” tenna l-Ministru Bonnici, “ikunu jistgħu jifhmu aktar l-importanza tagħha u r-relevanza tax-xjenza f’ħajjithom. B’dan il-mod nistgħu nkomplu nqanqlu interess fix-xjenza u fir-riċerka u nħajru anke aktar studenti jersqu lejn il-karrieri fir-riċerka xjentifika.”

“Huwa biss bl-involviment taċ-ċittadini nfushom, li aħna nistgħu naslu għal soluzzjonijiet ġodda u effettivi biex nilqgħu għall-isfidi li qed tiffaċċja d-dinja bħalissa, bħat-tniġġis tal-ambjent u t-tibdil fil-klima,” spjega l-Ministru Bonnici.

Iċ-Chairman Eżekuttiv Dr Jeffrey Pullicino Orlando qal li “l-Għan ewlieni taċ-Ċentru Esplora, li jitmexxa taħt il-kappa tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, hu li jixpruna t-tisħiħ fl-għarfien, fl-edukazzjoni u f’metodi li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tal-komunità fl-oqsma STEM.” Żied jgħid li “Huwa għalhekk li qegħdin inniedu din l-iskema, bil-għan li jibbenefikaw minnha l-iskejjel, il-Kunsilli Lokali, l-għaqdiet non-governattivi u organizzazzjijiet jew individwi oħrajn b’rabta partikolari ma’ komunità speċifika u b’idea innovattiva ta’ riċerka li tkun ta’ ġid għall-komunità u għas-soċjetà b’mod ġenerali. Kull proġett jista’ jitlob massimu ta’ 8,000 ewro.”

Fl-aħħar mill-aħħar, L-entitajiet interessati huma mitluba jissieħbu ma’ riċerkatur jew ma’ professjonist minn qasam STEM marbut mal-proġett ta’ riċerka li jixtiequ jwettqu. Il-baġit totali tal-Fond għall-2021 huwa ta’ €24,000. L-ispejjeż ewlenin identifikati bħala eliġibbli għall-kopertura mill-Fond huma dawn li ġejjin: il-persunal, l-ispejjeż tar-riċerka, l-oġġetti tal-konsum, u l-ispejjeż tad-disseminazzjoni.

Il-proġetti għandhom jiġu evalwati u magħżula fuq il-bażi ta’ Eċċellenza, Rilevanza tal-Proġett għall-Komunità u Impatt u Legat tal-Proġett.

L-applikazzjonijiet jiftħu fit-28 ta’ Settembru permezz ta’ portal online fuq is-sit elettroniku tal-Esplora. Jeħtieġ li l-applikant ewlieni jehmeż ittra ta’ impenn mir-riċerkatur/professjonist STEM.

L-iskadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet se tkun is-17 ta’ Novembru. Ir-riżultati huma mistennija li jiġu ppubblikati f’Diċembru 2021, bi żborż ta’ 70 % (l-ewwel porzjon) tal-għotja li tkun qed issir sa tmiem l-2021. L-applikanti se jkollhom sena biex ilestu l-proġetti tagħhom.

Informazzjoni aktar dettaljata tista’ tinstab fil-Linji Gwida ppubblikati fuq is-sit elettroniku tal-Esplora fil-ħolqa: https://esplora.org.mt/the-stem-community-fund/

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com