“L-Industrija Tal-Kostruzzjoni Trid Tgħaddi Minn Trasformazzjoni Biex Tibqa’ Sostenibbli” – Il-PM Robert Abela
Hekk kif f’inqas minn ġimagħtejn oħra jiġi ppreżentat il-Budget għas-sena li ġejja, il-gvern kompla għaddej b’aktar laqgħat ta’ konsultazzjoni ma’ msieħba ewlenin. F’laqgħa l-Erbgħa waranofsinhar, il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi.
F’intervent fil-bidu tal-laqgħa, Dr Abela qal li s-settur tal-kostruzzjoni għandu jkun wieħed, iżda mhux l-uniku, mutur ekonomiku ta’ pajjiżna.
Il-Gvern kompla jsaħħaħ din l-industrija b’deċiżjonijiet strateġiċi fuq miżuri importanti, b’mod partikolari matul il-pandemija fejn aktar Maltin saru sidien ta’ darhom.
Iżda, fl-istess waqt, il-qasam tal-kostruzzjoni jeħtieġ jgħaddi minn trasformazzjoni biex jibqa’ sostenibbli.
Hawnhekk il-Prim Ministru Abela rrefera għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-miri ambjentali ta’ pajjiżna biex jilħaq in-newtralità tal-karbonju. Jeħtieġ għalhekk, fost l-oħrajn, li jsir l-investiment meħtieġ mill-iżviluppaturi kollha, kbar u żgħar, biex jinbidel il-makkinarju. “Diġà daħħalna skemi biex ngħinu dan l-investiment isir u se nkomplu nagħmlu dan”, saħaq il-Prim Ministru.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi Sandro Chetcuti qal li l-miżuri f’waqthom li ħa l-gvern matul il-pandemija wasslu biex ħadd ma jiġi impattat b’mod negattiv matul l-imxija.
Semma li tul dawn l-aħħar snin il-Gvern implimenta mat-28 proposta li ressqet l-assoċjazzjoni, fosthom l-inizjattivi b’saħħithom għall-first-time u għas-second-time buyers.
Sandro Chetcuti wera l-impenn tal-assoċjazzjoni li, bi prudenza, jitjieb l-operat tal-industrija biex tkompli tikkontribwixxi għall-miri ekonomiċi u ambjentali li għandu quddiemu pajjiżna.
Għal din il-laqgħa attendew ukoll il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni Chris Agius.
Ritratt: DOI