“Il-PN Għandu L-Enerġija U R-Rieda Politika Li Flimkien Inwettqu S-Soluzzjonijiet” – Bernard Grech
“Jekk verament temmen li t-tibdil fil-klima hija l-iktar kwistjoni urġenti li teżisti globalment bħalissa, inħeġġek tingħaqad magħna biex nagħmlu dak li nistgħu flimkien għal dinja u pajjiż aħjar. Jekk temmen li t-tibdil fil-klima tista’ sservi bħala opportunitá għall-ekonomija Maltja, tkellem magħna – ejja naħdmu flimkien! Jekk temmen li bir-reputazzjoni imtejba tagħna nistgħu niġġieldu t-tibdil fil-klima, ingħaqad magħna. Aħna ħerqana biex nisimgħu soluzzjoniiet u ideat mingħandkom – għandna l-enerġija u r-rieda politika li nisimgħu u nibdew inwettqu flimkien.”
Saħaq dan il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt il-ftuħ tal-Konferenza Nazzjonali għat-Tibdil fil-Klima organizzata mill-Partit Nazzjonalista.
Bernard Grech qal li wara l-pubblikazzjoni tar-Rapport tal-IPCC (Intergovernmental Panel on Climate Change), il-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ li hemm bżonn issir bidla – għalhekk għandna bżonn naraw x’ser nagħmlu għaliex dak li għamilna s’issa mhux qed ikun biżżejjed, kemm lokalment kif ukoll fil-bqija tad-dinja.
“Malta diġà qed tiġi affettwata disproporzjonalment, aħseb u ara sa ftit tas-snin oħra. Diġa naraw li għandna s-settur tal-agrikoltura qed ibati minn diversi problemi, u rridu niftakru li Malta ilha s-snin ssofri min-nuqqas ta‘ ilma kemm għax xorb kif ukoll għall-agrikoltura. Żieda fit-temperatura mhux ser tgħin dan l-ostaklu,” tenna l-Kap tal-PN.
Saħaq li għandna bżonn inżidu l-ispazji miftuħin bis-siġar, “iridu naraw kif ħa nagħmlu biex naqilbu għal sorsi ta enerġija rinovabbli bħall-bqija tal-Ewropa, ninkuraġġixxu żvilupp sostenibbli attrezzat għat-temperaturi li għandna.”
“Għandna wkoll nsibu modi kif nistgħu napprofittaw ekonomikament filwaqt li nagħmlu l-parti tagħna biex nippruvaw intejbu s-sitwazzjoni. Għandna naddattaw għas-sitwazzjoni u nistinkaw biex il-miri ekonomiċi u ambjentali jimxu id f’id. Dan huwa dak li l-Partit Nazzjonalista ser ikun qed jiffoka fuqu, sostna l-Kap tal-PN Bernard Grech.
Huwa temm jgħid li għandna bżonn nibdew nattrattaw aktar riċerka u innovazzjoni lejn il-gżira f’dan il-qasam b’reputazzjoni imtejba biex b’hekk ikollna aċċess għall-ġenji li jeżistu f’din l-era tat-tibdil fil-klima. “Hemm bżonn nibdew billi nieħdu r-riedni f’idejna u nibdew nissemmew internazzjonalment għal-raġunijiet li jagħtu ġieħ lil pajjiżna u għal xejn iktar. Ejja nibdew nuru li kapaċi ninbidlu u li għandna l-kapaċità nkunu ħafna aħjar.”
Bernard Grech fid-diskors tal-ftuħ tal-Konferenza temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista diġà beda jagħmel l-parti tiegħu, fost oħrajn inħoloq il-grupp tal-PN Greens biex joħolqu anke pressjoni u għarfien internament.