Tlieta Minn Kull Ħames Persuni M’Għadhomx F’Ċaħda Materjali

 Tlieta Minn Kull Ħames Persuni M’Għadhomx F’Ċaħda Materjali

Skont il-kejl uffiċjali tal-Unjoni Ewropea kif rifless fl-aħħar statistika maħruġa mill-NSO, ir-rata ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali naqset għal 19.9% fl-2020 minn 20.8% sena qabel. Dan jirrifletti tnaqqis fil-persentaġġ ta’ familji b’parteċipazzjoni baxxa fis-suq tax-xogħol u ta’ dawk f’ċaħda materjali u soċjali, kif ukoll tnaqqis fir-rata ta’ dawk li għandhom dħul taħt 60% tad-dħul medjan nazzjonali.

L-akbar titjib kien osservat fost dawk ta’ età ta’ akbar minn 65 sena, fejn ir-rata naqset bi 2.2% meta mqabbla mal-2019. Anke fost it-tfal kien hemm tnaqqis sinifikanti fir-riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali, b’rata li naqset b’1.3% fl-2020.

Ir-rata ta’ riskju ta’ faqar, fi kliem ieħor dik ir-rata bbażata biss fuq id-dħul tal-familji, naqset minn 17.1% għal 16.9%.  Ta’ min jgħid li ċ-ċifri dwar id-dħul tal-familji huma ibbażati fuq id-dħul fis-sena 2019.  Dan ifisser li għall-ewwel darba wara ħafna snin, id-dħul ta’ dawk taħt il-linja tas-60 fil-mija tad-dħul medjan nazzjonali, kiber iżjed minn ta’ dawk ta’ fuqha.

It-titjib fir-rata ta’ riskju ta’ faqar seħħ f’kuntest fejn il-qligħ disponibbli tal-familji kompla jogħla b’mod qawwi. Fil-fatt id-dħul disponibbli medju ta’ familja żdied minn €28,505 għal €31,266, jew bi kważi €2,800. Dan ifisser żieda ta’ 10% fuq is-sena ta’ qabel.

Ir-rata ta’ dawk f’sitwazzjoni ta’ ċaħda materjali u soċjali, li huwa kejl ġdid li beda jintuża issa, naqset minn 9.9% fl-2019 għal 9.4% fl-2020. Dan kien jirrifletti titjib fil-proporzjon ta’ dawk li jħossu li jaffordjaw li jipparteċipaw f’attività ta’ rikreazzjoni b’mod regolari, dawk li ma jsibux diffikultà biex ibiddlu għamara fi djarhom li  tkun qdiemet, dawk li jaffordjaw li jżommu darhom sħuna fix-xitwa u kif ukoll tnaqqis f’dawk li għandhom arretrati f’kontijiet, kirjiet jew djun.

Ta’ min jgħid li bil-kejl l-oriġinali, ir-rata ta’ ċaħda materjali naqset minn 19.9% fl-2014 għal 8.7% fl-2020, tnaqqis ta’ 40,143 persuna. Ir-rata ta’ dawk f’sitwazzjoni ta’ ċaħda materjali u soċjali severa baqgħet prattikament stabbli f’livell ta’ 5.1%.

Dan ukoll huwa kejl ġdid li ħa post il-kejl ta’ qabel li kien ikejjel iċ-ċaħda materjali severa fejn bil-kejl l-oriġinali ir-rata fl-2020 niżlet għal 3.3% minn 3.6% is-sena ta’ qabel u minn 10.3% fl-2014, tnaqqis ta’ 26,542 persuna.

Imqabbel mal-2014, illum tnejn minn kull tliet persuni m’għadhomx f’ċaħda materjali severa waqt li tlieta minn kull ħames persuni m’għadhomx f’ċaħda materjali.

Dan kollu kien preżentat f’konferenza tal-aħbarijiet, f’kumment li ta l-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon huwa qal li kull tnaqqis fil-faqar huwa importanti għax juri b’mod ċar li l-politika soċjali tal-gvern tkun qed taħdem.

Huwa sostna li ċ-ċifri jikkonfermaw l-importanza tal-intervent tal-gvern permezz tas-sistema tas-sigurtà soċjali. Il-Ministru Falzon tenna li kieku ma sarx it-titjib qawwi fil-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali li wasslu għal investiment rekord ta’ aktar minn €1 biljun f’dan is-settur, l-ammont ta’ dawk li kienu jkunu f’riskju ta’ faqar kien ikun id-doppju ta’ dak li fil-fatt hu.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com