L-MHRA Titlob Sabiex Jitneħħew Il-Protokolli Kollha U Mmorru Lura Għan-Normalità
L-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti l-MHRA qalet li tirrikonoxxi l-isforzi kollha li qed isiru mid-Dipartiment tas-Saħħa għas-suċċess li kisbet Malta fl-għoti tal-vaċċin kif ukoll issa fl-għoti tal-booster lil persuni ‘l fuq minn 70 sena fiż-żmien tajjeb ħafna qabel tibda x-xitwa.
Fi stqarrija l-MHRA qalet ukoll li wasal ż-żmien li mmorru lura għan-normalità. Dan wara li ġie mħabbar mid-DPM u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne rilaxx ta’ restrizzjonijiet għal restoranti jew bars li fuq għażla tagħhom jdaħħlu persuni biċ-ċertifikat tal-vaċċin biss.
L-MHRA qalet li dawn ir-restrizzjonijiet u tibdil minimu li qed isir qed iwasslu għal diffikultajiet kbar biex l-infurzar mill-awtoritajiet isir bl-istess mod ma’ kulħadd. Din qed twassal għal sitwazzjoni inġusta fost operaturi tas-settur turistiku u anke setturi ekonomiċi oħra.
Finalment l-MHRA għamlet appell lill-Gvern sabiex jirrikonoxxi s-suċċess li sar bis-saħħa u bis-sagrifiċċji ta’ kulħadd u għalhekk għandu jnaqqas b’mod drastiku jew ineħħi kompletament il-protokolli imposti fuq is-settur tal-ospitalità. Dan fid-dawl li kważi l-popolazzjoni kollha Maltija hija mlaqqma.
Ritratt: golden-sands-malta.com