“85,000 Persuna Għaddejjin Minn Tbatijiet U Sitwazzjonijiet Soċjali Diffiċli Ħafna” – Il-PN
“Issa li l-NSO ippubblika l-istatistika tal-2020 dwar il-faqar u l-persuni fir-riskju tal-faqar f’pajjiżna, il-Partit Nazzjonalista jikkonferma li l-gvern ta’ Robert Abela mhuwiex jindirizza s-sitwazzjoni tal-faqar b’politika sostenibbli fit-tul u b’miżuri konkreti maħsuba apposta biex jindirizzaw il-faqar.”
Dan ntqal fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista ffirmata mil-Viċi Kap għall-affarijiet tal-Parlament u Kelliem għall-inklużjoni soċjali u l-kwalità tal-ħajja David Agius flimkien mal-Kelliem għall-akkomodazzjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar Ivan Bartolo.
Huma qalu li l-istatistika tal-NSO qed terġa’ tikkonferma li l-għadd ta’ persuni bi dħul li jpoġġihom fir-riskju tal-faqar qed jiżdied kull sena (78 elf fl-2018, 83 elf fl-2019 u 85 elf fl-2020).
“Għall-poplu Malti, dawn iċ-ċifri huma ta’ tħassib; mhux biss għax juru li l-politika ta’ Robert Abela falliet f’dan il-qasam u sena wara sena qed ikompli jikber id-distakk bejn is-sinjuri u l-foqra f’Malta, mhux biss għax il-faqar għandu effetti ħżiena fuq is-saħħa tan-nies, fuq il-kisbiet edukattivi ta’ uliedna u fuq il-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin, iżda fuq kollox għax il-faqar jikkawża tbatijiet kontinwi fost il-familji tagħna… tbatijiet li jeħtieġu għajnuna diretta u li jieħdu żmien twil biex jittaffew,” saħqu l-kelliema tal-PN.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-faqar jeħtieġ pjan strateġiku u ħolistiku li jmur ferm lil hinn mill-baġit ta’ qabel l-elezzjoni. Il-faqar għandu jiġi indirizzat minn għeruqu b’miżuri konkreti mmirati għall-persuni li huma suxxettibbli li jisfaw vittmi ta’ din il-pjaga, fosthom il-pensjonanti, il-morda u l-persuni mingħajr impjieg, li fis-skiet ta’ darhom għaddejjin mit-tbatijiet.
David Agius u Ivan Bartolo qalu li l-PN qed jwiegħed li se jibqa’ jressaq ’il quddiem proposti maħsubin apposta għall-familji, għall-persuni b’diżabilità u għall-anzjani, b’mod partikolari dawk li għandhom xi mard sever, biex ikun ukoll forza soda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.
“Bħalma diġà ħabbarna qed inwiegħdu sistema tal-pensjonijiet sostenibbli, ġusta u tas-serħan il-moħħ, qed inwiegħdu titjib fil-parental leave u miżuri oħra għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja, u proposti oħrajn li jipprovdu impjiegi ta’ kwalità lil kulħadd,” sostnew il-Kelliema tal-PN.
Huma komplew jsostnu li għalkemm l-istatistika ppubblikata mill-NSO turi tnaqqis ċkejken ħafna fl-għadd ta’ persuni fir-riskju tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali fl-2020, huwa ċar li dan it-tnaqqis mhuwiex biżżejjed biex ipatti għaż-żidiet sostanzjali li kellna fil-faqar tul l-2018 u l-2019.
“Dawn ir-rati jfissru 85 elf persuna li għaddejjin minn tbatijiet u sitwazzjonijiet soċjali diffiċli ħafna” saħaq il-PN filwaqt li qal li “huma rati għoljin ħafna meta wieħed iqis iċ-ċokon ta’ pajjiżna u l-ftaħir ta’ ekonomija b’saħħitha mill-Prim Ministru Robert Abela.”