“Fil-Ġlieda Kontra L-Faqar Ir-Riżultati Juru Li L-Pn Mhux Kredibbli” – Il-PL
Il-Partit Nazzjonalista mhux kredibbli meta jitkellem dwar il-faqar f’pajjiżna. Mhux biss għax meta kien fit-tmexxija tal-pajjiż il-faqar żdied, iżda wkoll għax kien jgħid li l-faqar perċezzjoni. Hekk tenna l-Partit Laburista fi stqarrija fejn qal li r-rata ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali naqset għal 19.0% fl-2020 minn 24.6% fl-2013. Dan ifisser li f’7 snin, ir-rata naqset bi kważi kwart milli kienet taħt amministrazzjoni preċedenti.
Dan riżultat ta’ diversi miżuri li ħa l-gvern fosthom l-inwork benefit, iċ-child care b’xejn, it-tisħiħ fil-pensjonijiet, it-tapering tal-benefiċċji u l-inizjattivi kollha li nċetivaw il-bżulija u x-xogħol.
L-inċentivi riċenti tal-gvern biex il-pajjiż kompla jżomm suq tax-xogħol b’saħħtu u l-investiment rekord ta’ aktar minn biljun ewro f’nefqa soċjali wasslu biex f’pandemija, il-faqar naqas u mhux żdied.
“Meta jiġu biex jagħżlu n-nies jafu min iparla biss u min dak li jwiegħed iwettqu”, temm jgħid il-Partit Laburista.