Imnedija Skema Ta’ €100,000 Li Tiffoka Fuq Il-Persuni B’Diżabilità

 Imnedija Skema Ta’ €100,000 Li Tiffoka Fuq Il-Persuni B’Diżabilità

Wara li tnediet l-Istrateġija Nazzjonali ta’ Malta għas-snin 2021-2030 dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità bit-tema ‘Libertà Li Tgħix’, il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja għadda għal inizjattiva prattika marbuta mal-istrateġija. Tnediet skema ta’ għotjiet żgħar bil-għan li l-mexxejja fil-komunità, bħalma huma għaqdiet volontarji u kunsilli lokali, jimplimentaw fil-prattika proġetti u inizjattivi fl-ispirtu tal-istrateġija.

Għal din l-iskema, li se jkollha erba’ kategoriji, din is-sena ġiet allokata s-somma ta’ €100,000, b’kull kategorija allokata €25,000. It-tnedija tal-iskema saret mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli li ddeskrivietha bħala inizjattiva prattika marbuta mal-istrateġija u li ċ-ċentru tagħha hija l-persuna b’diżabilità.

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li, “F’konformità mal-prinċipji tal-Istrateġija u mal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità li fuqha hija bbażata, il-proposti li jiġu ppreżentati għal din l-iskema għandu jkollhom l-għan li jiżġuraw l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni ta’ persuni b’diżabilità fil-ħajja tal-komunitajiet lokali tagħhom biex b’hekk jimmassimizzaw il-libertà tagħhom li jgħixu indipendentament f’tali komunitajiet”.

Il-Ministru Farrugia Portelli żiedet tgħid li, “Din l-iskema se tkompli tixpruna l-prinċipju tal-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità. Se sservi biex persuni b’diżabilità juru l-abilitajiet tagħhom. Skema li se tkompli turi d-determinazzjoni tal-gvern li kulħadd għandu jkollu l-opportunità jimbotta ‘l quddiem l-abilità tiegħu, li ħadd m’għandu jitħalla jaqa’ lura, aktar u aktar abbażi ta’ xi diżabilità li jista’ jkollu”.

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Matthew Vella qal li l-erba’ kategoriji li jiffurmaw l-iskema huma Kategorija A – Proġetti ta’ Għarfien – immexxija minn Persuni b’Diżabilità; Kategorija B – Proġetti ta’ Għarfien – żviluppat flimkien ma’ Persuni b’Diżabilità; Kategorija Ċ –   Inizjattivi Parteċipatorji – immexxija minn Persuni b’Diżabilità u Kategorija D – Inizjattivi Parteċipatorji – żviluppati flimkien ma’ persuni b’diżabilità.

Il-proposti kollha sottomessi għandhom ifittxu li jkunu allinjati ma’ mhux aktar minn tliet objettivi mit-13-il objettiv li jiffurmaw l-istrateġija nazzjonali. Kull proposta sottomessa m’għandhiex teċċedi s-somma ta’ €5,000, filwaqt li kull applikant jista’ jissottometti biss proposta waħda għal din l-iskema matul din is-sena.

Jistgħu japplikaw għal din l-iskema l-għaqdiet volontarji kollha għajr dawk li bħalissa huma parti għal Public-Social Partnership mal-gvern fil-qasam tad-diżabilità.

Applikazzjonijiet għal din l-iskema se jintlaqgħu sal-1 ta’ Novembru,2021. Applikazzjonijiet li jaslu tard ma jkunux aċċettati.

Ritratt: DOI / Omar Camilleri

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com