Il-Fondazzjoni Melita Tgħin Biex Tibdel L-Iskart F’Arti

 Il-Fondazzjoni Melita Tgħin Biex Tibdel L-Iskart F’Arti

4,000 flixkun tal-plastik miġbura waqt tindif madwar Għawdex intużaw biex tinħoloq xbieha ta’ Kristu li se tintwera f’Ta’ Pinu mil-lum. Ix-xogħol tal-arti, inħolqot minn Joseph Barbara, u hi l-idea ta’ Cast Out, proġett biex jiġbor l-iskart tal-plastik u jibdlu f’arti. Il-proġett, imniedi minn Joanne Curtis, ġurnalista mir-Renju Unit residenti f’Għawdex, qed jiġi appoġġjat mill-Fondazzjoni Melita.

Waqt li kienet qed titkellem qabel l-iżvelar, is-Sinjura Curtis qalet, “Kuljum, aħna narmu tunnellati ta’ plastik u filwaqt li hemm ħafna inizjattivi biex inaqqsu l-iskart, il-fatt hu li l-kampanja tagħna hi mimlja skart. Billi noħolqu arti li tħalli impatt qed insibu mod kreattiv biex nirriċiklaw dan l-iskart filwaqt li nenfasizzaw kemm hi kbira l-problema u nittamaw li nħeġġu lin-nies jaħsbu dwar l-imġieba tagħhom stess. Jiena ferħana bir-rispons tal-komunitajiet madwar Għawdex għal din l-inizjattiva, li kienet fenomenali, u tassew qed nistenna bil-ħerqa li nara l-arti mill-isbaħ ta’ Joseph murija b’mod prominenti f’Ta’ Pinu. Jien grata ħafna wkoll għall-appoġġ li dan il-proġett irċieva mill-Fondazzjoni Melita.”

Matul il-proġett, li beda fil-bidu ta’ dan is-sajf, żewġ gruppi ta’ voluntiera kienu qegħdin iwettqu tindif ta’ kull ġimgħa f’bosta lokalitajiet madwar Għawdex. Minbarra l-fliexken tal-plastik li ntużaw biex tinħoloq ix-xogħol artistiku, dawn il-voluntiera ġabru 451 xkora ta’ skart kif ukoll tajers tal-karozzi, makkinarju imsaddad, għamara, madum u annimali mejta. B’riżultat tal-impenn muri mill-voluntiera u l-interess fil-proġett muri mill-iskejjel madwar il-gżira, Cast Out qed ikompli jorganizza tindif madwar Għawdex, minkejja li issa temm il-proġett oriġinali tal-arti. L-iskart miġbur qed jiġi ttrattat b’mod responsabbli minn Eko-Għawdex.

Simon Montanaro, Viċi President tal-Fondazzjoni Melita, qal, “Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Fondazzjoni Melita huwa li tippromwovi s-sostenibbiltà u l-kura għall-ambjent. Aħna lkoll nafu l-ħsara kkawżata mill-plastik u l-impatt negattiv tagħhom kemm fuq l-annimali kif ukoll fuq l-agrikoltura. Proġetti bħal dan huma mod tajjeb ħafna biex isaħħu l-messaġġ li l-għarfien mhux biżżejjed u li għandna responsabbiltà kollettiva biex naġixxu.”

Il-Fondazzjoni Melita twafqet fi Frar 2020 b’għotja inizjali ta’ 500,000 minn Apax Partners, is-sidien ta’ Melita Limited sa Mejju 2019. Bl-appoġġ sħiħ ta’ EQT, is-sidien attwali tal-kumpanija, l-ispejjeż kollha tal-Fondazzjoni qed jiġu ffinanzjati kompletament minn Melita Limited. Dan ifisser li 100 fil-mija tal-fondi disponibbli għall-Fondazzjoni qed jintużaw biex jappoġġjaw proġetti. Minn meta ġiet stabbilita, il-Fondazzjoni diġà allokat aktar minn €150,000 għal diversi proġetti b’aktar minn €50,000 imorru għal inizjattivi ambjentali.

Aktar informazzjoni dwar il-Fondazzjoni Melita u kif wieħed jista’ japplika għall-finanzjament jinsabu disponibbli fuq is-sit www.melitafoundation.org.

Ritratt: L-artist Joseph Barbara qed ilesti x-xbieha ta’ Kristu li se tintwera f’Ta’ Pinu, Għawdex

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com