Saqaf U Programm Ta’ Rijabilitazzjoni Għal Eks Priġunieri

 Saqaf U Programm Ta’ Rijabilitazzjoni Għal Eks Priġunieri

Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal estenda ftehim eżistenti għat-tliet snin li ġejjin mal-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl. Din il-fondazzjoni hija involuta fl-integrazzjoni mill-ġdid ta’ eks priġunieri lura fis-soċjetà. Iktar minn hekk, din tassisti wkoll persuni illi ma jkollhomx saqaf fuq rashom jew ma jkollhomx appoġġ.

B’finanzjament ta’ aktar minn €50,000, il-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl se tkun tista’ tibqa’ tmexxi  programmi soċjali lkoll intiżi biex iżommu ‘l bogħod lil dawn il-persuni kemm minn vizzji, kif ukoll mill-faqar u l-esklużjoni soċjali. Din l-assistenza finanzjarja se tkun qed tgħin fit-tmexxija ta’ żewġ residenzi – ‘L-Ewwel Kenn’ u ‘Gieħ u Tama’.

“Kulħadd jixraqlu t-tieni cans, u li jerġa’ jesperjenza karriera u anke familja. L-eħfef ħaġa hija li niġġudikaw u ma nagħmlu xejn, minflok qed nestendu idejna biex ngħinu. Iridu nuru li verament nemmnu fl-inklużjoni soċjali”, stqarr il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon.

Il-ministru żied jgħid li dan il-gvern se jibqa’ jagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies bil-fatti, għaliex dan hu gvern tan-nies, għan-nies.

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl qal li l-ħidma tagħhom ilha għaddejja għal dawn l-aħħar 27 sena fil-komunità, li wkoll tinkludi l-għajnuna li tingħata wkoll lill-familjari ta’ dawn il-persuni. Bħalissa dawn ir-residenzi jilqgħu ħames persuni li jkunu għadhom ħerġin mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, u ma jkollhomx fejn joqogħdu.

Tul is-snin, dawn ir-residenzi laqgħu ‘l fuq minn 100 eks priġunier, u l-ħsieb hu li jikber s-servizz mogħti.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com