Imniedi D-Dokument Ta’ Qabel Il-Budget Tal-PN – Jikkonċentra Fuq 5 Temi Prinċipali
‘Irkupru, Tkabbir u Suċċess – L-aħjar żmien għall-bidla’, din hija din it-tema tad-dokument ta’ qabel il-budget, li għal sena oħra l-Partit Nazzjonalista qiegħed jippreżenta.
Dan id-dokument kien preżentat mill-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u mill-Kelliem tal-Finanzi Mario de Marco lill-korpi kostitwiti u l-imsieħba soċjali fid-Dar Ċentrali waqt preżentazzjoni u diskussjoni li fiha kien spjegat fid-dettal dan id-dokument.
Id-dokument jikkonċentra fuq 5 temi prinċipali li huma:
- Is-saltna tad-dritt, ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u l-governanza tajba;
- L-impatt tal-COVID-19 fuq l-ekonomija u s-soċjetà;
- L-istat tal-finanzi pubbliċi;
- Is-suq tax-xogħol;
- Opportunitajiet ekonomiċi ġodda
Waqt it-tnedija ntqal li dawn huma proposti li fihom tibqa’ tingħata importanza lill-ambjent ta’ madwarna, b’aċċen partikolari lejn is-sotenibbiltà – proposti li jindirizzaw ukoll l-problemi tal-għoli tal-ħajja, li diversi familji Maltin u Għawdxin qed jisħqu li għandhom jiġu indirizzati mill-Gvern.
Apparti minn hekk, id-dokument ta’ qabel il-baġit tal-Partit Nazzjonalista jagħti wkoll ħarsa ħolistika lejn il-qagħda ekonomika ta’ pajjiżna kkumparata mal-bqija tal-Unjoni Ewropea u d-dinja.
Biex tara d-dokument kollu tista tafas hawn.