Bil-Filmat: Iż-Żagħżugħ Ta’ 23 Sena Akkużat Li Qatel 4 Fjammingi Jinżamm Arrestat Il-Ħabs
Żagħżugħ ta’ 23 sena nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti aktar kmieni llum akkużat li spara u qatel erba’ fjamingi li huma protetti bil-liġi.
Miguel Zammit mill-Gżira kmieni dalgħodu għall-ħabta tas-sebgħa u nofs allegatament qatel erba’ fjamingi waqt kaċċa llegali fl-inħawi ta’ Fra Ben, il-Qawra. Huwa nqabbad mill-Pulizija u ġie arrestat waqt li kien fil-karozza tiegħu.
Minn tfittxijiet li saru, fil-vettura nstabu arma tan-nar u munizzjon, filwaqt li bl-assistenza tal-Forzi Armati ta’ Malta, ittellaw tliet fjammingi mejta mill-baħar, u ieħor instab mejjet fuq il-blat.
Quddiem il-Maġistrat Elaine Mercieca, l-akkużat wieġeb li mhux ħati għall-akkużi.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba tad-difiża biex iż-żagħżugħ jingħata l-ħelsien mill-arrest u ndikat fost l-oħrajn li hemm xhieda pajżana li se jixhdu fil-każ.
Il-Maġistrat Mercieca ċaħdet it-talba u mill-Qorti Miguel Zammit ittieħed fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
L-FKNK ikkundannat dan l-att u qalu li dan huwa reat kriminali u post iż-żagħżugħ mhux postu fis-soċjetà.
Il-Kaċċaturi San Ubertu wkoll ikkundannat bla riserva dan l-att. Huma qalu li Miguel Zammit kien ilu sena membru tal-għaqda imma tkeċċa ftit xhur ilu fuq reat simili.
Ara l-filmat:
Ritratt: Facebook