Mniedi Kunċett U Dehra Ġdida Għad-Dipartiment Tax-Xogħlijiet Pubbliċi

 Mniedi Kunċett U Dehra Ġdida Għad-Dipartiment Tax-Xogħlijiet Pubbliċi

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg nieda l-kunċett ta’ rebranding tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi li se jkun qed tagħti dehra ġdida u l-opportunità sabiex il-pubbliku ikollu aċċess aħjar għal dan id-dipartiment. Segwew ukoll l-għotja taċ-ċertifikati lil dawk li komplew korsijiet organizzati mill-istess dipartiment.

Il-Ministru Ian Borg ta bidu għad-diskors tiegħu billi qal li sabiex jingħata l-aqwa servizz lill-pubbliku, il-ħaddiem irid ikollu l-aqwa ambjent u mezzi possibbli fejn iwettaq il-ħidma tiegħu. “Għal dan il-għan ħassejna l-ħtieġa li nagħtu dehra ġdida u nimmodernizzaw aktar l-aċċess għal dan id-dipartiment li qed iwettaq ħidma siewja madwar pajjiżna bi proġetti li jvarjaw minn dawk komunitarji sa dawk nazzjonali bħall-Malta National Park.”

Id-dipartiment se jkun qed joffri website ġdida li se tkun qed taġġorna lill-pubbliku bil-proġetti li jkunu saru u anke dawk li jkunu għaddejjin filwaqt li lill-ħaddiema ingħatatilhom uniformi ġdida.

Bħala parti mill-attività ġew mogħtija ċ-ċertifikati li jkopru ħames korsijiet. Dawn jinkludu is-CPC li hu ċertifikat ta’ kompetenza tas-sewwieqa tal-vetturi kbar li jsir kull ħames snin, ċertifikat għat-taħriġ fil-‘heavy plant’ lis-sewwieqa tal-impjanti, bħal gaffef u excavators, li jingħata kull tliet snin, u l-Vocational Education & Training Award For Plasterers li hu taħriġ provdut mill-Jobsplus li jipprepara lill-ħaddiema fix-xogħol ta’ tikħil.

B’konformità mar-regoli tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, il-unit responsabbli mis-Saħħa u Sigurtà fuq il-post tax-xogħol (O.H.S.U.) fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, nieda żewg korsijiet li tagħhom ingħata wkoll ċertifikat lil dawk li komplewhom.

Il-korsijiet jikkonsistu f’taħriġ lill-impjegati dwar l-użu taċ-cherry picker u dwar l-użu tal-harnesses. Tal-ewwel jikkonsisti kemm fi prattika kif ukoll teorija u ġie mtella’ mis-St. Bernard Safety Training Centre filwaqt li t-taħriġ dwar l-ilbies tal-harnesses kien jikkonsisti wkoll kemm fi prattika kif ukoll fit-teorija u ġie mtella’ mill-Emergency and Fire Rescue Unit (E.F.R.U).

F’dawn il-korsijiet id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi investa madwar €7000 fi flus li minnhom tħallsu il-korsijiet, il-harnesses u l-kiri taċ-cherry pickers.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com