Aktar Għarfien Dwar Il-Kundizzjoni Tal-ADHD Matul Ix-Xahar Ta’ Ottubru
Dan ix-xahar ta’ Ottubru normalment nassoċjawh mal-Pink October u l-kuxjenza dwar il-kanċer tas-sider, però mhux biss. Ottubru huwa marbut ukoll mal-kundizzjoni tal-ADHD fejn matul dan ix-xahar tinħoloq kuxjenza u għarfien dwar din il-kundizzjoni.
Id-Disturb tan-Nuqqas ta’ Attenzjoni u l-Iperattività (ADHD) huwa kundizzjoni newrobijoloġika, li taffettwa dawk il-partijiet tal-moħħ li jikkontrollaw l-attenzjoni, l-impulsi u l-konċentrazzjoni. Jidher li minn 5% sa 11% tat-tfal fl-età tal-iskola għandhom l-ADHD. Is-subien huma tliet darbiet aktar probabbli li jiġu dijanjostikati bl-ADHD mill-bniet.
Huwa stmat li bejn terz sa nofs it-tfal b’sintomi tal-ADHD jibqgħu juru sintomi fl-età adulta għalkemm dawn jistgħu jidhru b’mod differenti. L-oħrajn, jidher li jirnexxhielhom jiksbu biżżejjed strateġiji jew ħiliet biex jgħinuhom ilaħħqu aħjar fil-ħajja ta’ kuljum. Ħafna drabi dan jinvolvi appoġġ minn membri tal-familja jew kollegi.
Tipikament, is-sintomi tal-ADHD jiżviluppaw fit-tfulija. Madankollu, ħafna adulti li l-ADHD tagħhom ma kienitx id-djanjostikata fit-tfulija jistgħu jibdew jindunaw bis-sintomi tagħhom huma u jikbru. Li tkun newroloġikament differenti u n-nuqqas ta’ għajnuna fl-isfidi li jaffaċċjaw jista’ jwassal biex adulti mhux dijanjostikati jkollhom trawma akbar.
Il-professjonisti tal-kura tas-saħħa jużaw intervista klinika, l-istorja personali fil-fond u checklists dijanjostiċi speċjalizzati biex jiddijanjostikaw l-ADHD uffiċjalment.
Ejjew nkomplu noħolqu għarfien dwar dawn il-kundizzjonijiet differenti sabiex jkollna aktar għarfien dwar il-persuni li jkunu madwarna u b’hekk nistgħu nagħmlu l-ħajja ta’ xulxin aktar tajba.