Bernard Grech Jgħid Li L-Pjan Tal-Metro Tal-PL Huwa Difettuż
Waqt intervent fuq NET FM u NET Television dalgħodu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li waqt żjarat li għamel dalgħodu stess f’bosta rħula ħafna nies waqfuh u rringrazzjawh tax-xogħol li qed jagħmel sabiex il-PN jerġa’ jkun il-bidla li għandu bżonn pajjiżna.
Propju llum huwa l-ewwel anniversarju ta’ Bernard Grech bħala Kap tal-PN u matul il-ġurnata tal-lum qed tkun organizzata maratona ta’ ġbir ta’ fondi fuq l-istazzjon televiżiv tal-Partit.
Fl-intervent tiegħu Dr. Grech qal li d-dokument tal-proposti ta’ qabel il-budget li ġie preżentat ilbieraħ ntlaqa tajjeb ħafna mill-korpi kostitwiti. “Waqt li Mario De Marco kien qiegħed jispjega rajt imsieħba soċjali li b’għajnejhom kienu qegħdin juru li jaraw fil-Partit Nazzjonalista l-possibilità li dan il-pajjiż ikollu Gvern li tassew jixraqlu,” qal Bernard Grech.
Tkellem ukoll fuq bosta proposti li ġew mħabbra mill-PN matul din il-ġimgħa fosthom li l-leave tal-paternità u tal-parentela jiġi estiż.
Dwar il-Metro il-Kap tal-PN qal li l-Partit Laburista erba’ snin ilu prova jirredikola l-proposta li dak iż-żmien kien ħareġ biha l-PN, “iżda llum kellu jdur għal din l-idea biex ikollna mezzi aktar modern ta’ trasport,” tenna Grech.
Huwa qal li l-proġett tal-metro propost mill-PL huwa difettuż għax in-naħa ta’ isfel, żoni industrijali u Għawdex ġew minsija fil-pjan. Bernard Grech saħaq li l-proposta tal-PN dwar il-metro hija aħjar.
Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar il-każ ta’ Karol Aquilina fejn matul din il-ġimgħa ġie liberat minn kull akkuża għaliex il-Qorti ma’ sabet l-ebda evidenza fil-każ kontrih. Bernard Grech qal li din kienet kollha kampanja ta’ gideb kontra Aquilina mill-PL.
“Irrid nagħmilha ċara li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jissaħħaħ jiġri x’jiġri. Spiċċa ż-żmien li l-Partit Nazzjonalista jibża’ jew ma jaffrontax lill-għadu tiegħu fejn u kif hemm bżonn. Jien bniedem kwiet iżda jekk toqrosni nsir iljun,” temm jgħid Bernard Grech.