Aġġornat: Arrestata Persuna B’Rabta Mal-Każ Tal-Isparatura Tal-Bieraħ Fl-Imsida
Fl-aħħar sigħat, il-Pulizija mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri u tad-Distrett arrestaw persuna barranija suspettata li kienet involuta fl-argument bejn grupp ta’ persuni li seħħ ilbieraħ filgħaxija fi blokka appartamenti fl-Imsida.
Fi stqarrija l-Pulizija qalet li lbieraħ, għal xi t-tmienja neqsin għoxrin, il-Pulizija ġiet infurmata li hemm bżonn l-assistenza fi blokka ta’ appartamenti fi Triq Dijonisju Famuċelli, l-Imsida.
Il-Pulizija tad-Distrett kif ukoll tar-Rapid Intervention Unit marru mill-ewwel fuq il-post u sabu taqtir ta’ demm, kemm fil-komun tal-blokka kif ukoll ma’ bieb fil-ħames sular.
Minħabba f’hekk qam suspett li seta’ kien hemm xi ħadd mistoħbi u fuq il-post issejħu l-membri tal-Ispecial Intervention Unit biex jassistu.
Il-Pulizija fetħu u fittxew f’kull kamra tal-appartament, imma ma nstab ħadd. Madankollu nstabu xi armi bil-ponta, li x’aktarx setgħu ntużaw fl-argument u sustanza suspettata droga.
Fuq il-bankina, quddiem il-blokka ta’ appartamenti nstabet balla li ġiet elevata, bl-investigazzjonijiet jirriżultaw li waqt l-argument, allegatament ġie sparat tir fl-ajru.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet u bit-tfittxija għall-allegat vittma.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Elaine Mercieca ġiet infurmata bil-każ u qiegħda tmexxi inkjesta.