Illum L-Istudenti Tal-Iskejjel Tal-Gvern Jinsabu Kollha Lura F’106 Skola U Ċentri Edukattivi
Wara li nhar l-Erbgħa li għadda bdew is-Sena Skolastika 2021-22 l-istudenti kollha tal-iskejjel tal-gvern, illum daħlu wkoll l-istudenti tal-Kinder I, biex 36,000 student u studenta issa jinsabu fuq il-bankijiet tal-iskola jkomplu bl-edukazzjoni tagħhom.
Dan ntqal fi stqarrija mill-Ministeru għall-Edukazzjoni filwaqt li ntqal ukoll li din is-sena hemm 5,981 li qed jattendu l-klassijiet tal-Kindergarten, 15,827 fil-klassijiet tal-iskejjel primarji, 12,143 fis-sekondarji u 1,987 post-sekondarji.
L-istudenti huma mqassma f’106 skola u ċentri edukattivi, b’total ta’ 7,071 bejn kapijiet ta’ skejjel, edukaturi, LSEs, KGEs u staff amministrattiv jieħdu ħsieb lil dawn l-istudenti.
“Bil-protokolli kollha maħruġin mill-awtoritajiet tas-saħħa f’posthom u bl-iskejjel kollha ċertifikati minn assessuri li raw li kull skola għandha dak kollu li huwa mitlub minn dawn il-protokolli, qed naraw id-determinazzjoni u l-impenn tal-edukaturi biex it-tfal tagħna jkomplu jieħdu l-edukazzjoni tagħhom fejn l-aħjar li jistgħu jieħduha – fl-iskejjel tagħna,” qalet il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana.
Ritratt: DOI