Jinħarġu Għall-Kiri 399 Garaxx Fis-Siti L-Ġodda Ta’ Housing Soċjali
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay kienu preżenti għal konferenza tal-aħbarijiet fis-sit ta’ housing soċjali ġdid fiż-Żurrieq fejn nedew sejħa għall-interess għall-kiri ta’ garaxxijiet u parkeġġi fis-siti l-ġodda tal-akkomodazzjoni soċjali.
Biex ma tinħoloqx pressjoni fuq il-komunitajiet li jgħixu madwar is-siti l-ġodda ta’ housing soċjali, dawn kollha ħa jinkludu spazju ampju ddedikat għall-parkeġġ u għall-garaxxijiet. Dawn ħa jkunu disponibbli mhux biss għar-residenti tal-akkomodazzjoni soċjali iżda wkoll għall-pubbliku ġenerali.
Il-Ministru Roderick Galdes spjega li ż-żieda tal-popolazzjoni fiż-żoni fejn hemm bini tal-akkomodazzjoni soċjali huwa fattur li jżid ċerta pressjoni. “F’dan l-istadju, grazzi għall-Awtorità tad-Djar, qed noffru 399 garaxx għall-kiri. ‘Il quddiem se nkunu qed nagħmlu aktar parkeġġ disponibbli”, qal il-ministru.
L-applikazzjonijiet għal din l-iskema se jiftħu nhar it-Tnejn 11 ta’ Ottubru u jagħlqu fl-aħħar ta’ din is-sena. Kulħadd huwa eliġibbli li japplika, sakemm l-applikant inkwistjoni ma jkunx jippossjedi garaxx diġà. Individwi li jgħixu qrib is-sit tal-housing soċjali ħa jingħataw prefenza. F’każ li jkun hemm iżjed minn applikant wieħed li jixtieq jikri garaxx fl-istess sit u jkun hemm l-istess tul ta’ distanza, id-deċiżjoni ta’ min ħa jidħol fil-kirja tittieħed permezz ta’ polza. Għaqdiet volontarji li jixtiequ japplikaw f’din l-iskema jingħataw prijorità indipendentament mit-tul tad-distanza.
Peress li s-siti jvarjaw fid-daqs u fl-ammont ta’ appartamenti, il-garaxxijiet ukoll se jkunu jvarjaw fid-daqs. Il-garaxxijiet ħa jkunu qed joffru spazju għal karozza waħda u jibqgħu telgħin għal spazju li jilqa’ fih erba’ karozzi. Ovvjament, il-kirja dovuta ħa tirrifletti d-daqs u l-ammont ta’ vetturi li l-ispazju joffri. Dawn it-399 garaxx jinsabu mqassmin fil-lokalitajiet ta’ Ħ’Attard (3), Birkirkara (56), Bormla (115), Ħal Kirkop (35), l-Imsida (22), il-Qrendi (44), is-Siġġiewi (89), Ħaż-Żebbuġ (15) u ż-Żurrieq (20).
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay spjega li, “Il-garaxxijiet se jiġu allokati b’metodu differenti minn dak li s-soltu jintuża f’sejħa għall-offerti b’tender. Ma rridux li min hu l-iktar b’saħħtu finanzjarjament jirrenja iżda minflok se jkun hemm prezz fiss biex min l-iktar li jgħix viċin għalhekk għandu l-iżjed bżonn jingħata prijorità. Għalhekk l-iskop ewlieni ta’ din is-sejħa huwa li jiġi evitat li tinħoloq problema ta’ parkeġġ fil-lokalitajiet fejn jinsabu dawn il-binjiet”.
“Din is-sejħa hija mezz ieħor kif qed naqtgħu l-frott tal-proġetti soċjali li twettqu matul dawn l-aħħar erba’ snin. Sfortunatament, dan il-frott jista’ jġib miegħu lok ta’ abbuż minn persuni li b’mod qarrieqi jitolbu flus sabiex jgħinu fl-allokazzjoni ta’ xi residenza jew garaxx. Nagħmluha ċara li l-Awtorità tad-Djar qatt ma talbet flus bħala parti mill-proċess tal-allokazzjoni. Din is-sejħa, kif ukoll l-applikazzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali, huma bla ħlas,” temm jgħid is-Sur McKay.
Ritratti: DOI