Ir-Relazzjonijiet Bejn Malta U S-Serbja Diskussi F’Belgrad

 Ir-Relazzjonijiet Bejn Malta U S-Serbja Diskussi F’Belgrad

Ir-relazzjonijiet bejn Malta u s-Serbja kif ukoll ir-relazzjonijiet tal-pajjiżi fil-Punent tal-Balkani mal-Unjoni Ewropea ġew diskussi f’laqgħat li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo kellu fil-kapitali Serba Belgrad. Il-Ministru Bartolo kellu laqgħa mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tas-Serbja Nikola Selakovic u ħa sehem ukoll fil-‘Belgrade Economic Forum’ imtella’ mid-Delphi Economic Forum.

Fil-jiem li ġejjin is-Serbja se tkun qed tiftaħ konsulat f’Malta biex tkun ta’ servizz għall-komunità tas-Serbi li jgħixu f’Malta.

Il-Ministru Bartolo esprima l-appoġġ sħiħ ta’ Malta biex pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, fosthom is-Serbja, jingħaqdu fil-blokk Ewropew. Huwa saħaq li l-Unjoni Ewropea jeħtieġ li tinvesti aktar sabiex dan it-tkabbir ikun wieħed effettiv li jkattar konvinzjoni sħiħa fost dawn il-popli rigward il-proġett Ewropew.

Il-Ministru Bartolo enfasizza li l-Unjoni Ewropea jeħtieġ li tagħti iżjed importanza lin-naħa ta’ isfel tal-Ewropa, inkluż ir-reġjun Ewro-Mediterranju, f’rabta sħiħa ma’ politika li tagħti lok għal relazzjonijiet imsaħħin mal-pajjiżi tal-Afrika. Il-ħolqien tal-opportunitajiet fost dawn il-popli iservi ta’ għodda tajba favur il-paċi, is-sigurtà u l-prosperità.

Matul din iż-żjara l-Ministru Bartolo ltaqa’ wkoll mal-Ministru għax-Xogħol, il-Veterani tal-Gwerra u l-Politika Soċjali Darija Kisic Tapavcevic. Tul din il-laqgħa ġiet diskussa l-qagħda tal-komunità Serba fis-suq tax-xogħol Malti u kif ir-rabtiet bejn iż-żewġ pajjiżi jistgħu joffru qafas li jgħin f’dan ir-rigward.

Ritratt: Il-Ministru Bartolo mal-Ministru għax-Xogħol, il-Veterani tal-Gwerra u l-Politika Soċjali Darija Kisic Tapavcevic

Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Christopher Cutajar akkumpanja lill-Ministru Bartolo tul il-laqgħat, filwaqt li kellu wkoll laqgħa mas-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Barranin Nemanja Starovic. Matul din il-laqgħa ġew diskussi il-prospetti ekonomiċi fiż-żewġ pajjiżi, kollaborazzjoni marbuta mal-ħidma fin-Nazzjonijiet Magħquda, kif ukoll il-ħidma tas-Serbja biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea.

Ritratt: Il-Ministru Evarist Bartolo milqugħ f’Belgrad minn Nikola Selakovic, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tas-Serbja

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com