L-ECOFIN Japprova L-Pjan Ta’ Malta Għall-Irkupru U R-Reżiljenza
Il-Pjan ta’ Malta għall-Irkupru u r-Reżiljenza għadda mill-aħħar approvazzjoni tiegħu wara li fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ġie approvat b’mod unanimu mill-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, magħruf bħala l-ECOFIN. Wara din l-approvazzjoni, issa mistennija ssir il-firma tad-dokumenti li permezz tagħhom Malta tibda tirċievi l-għotjiet finanzjarji konnessi mal-investimenti u r-riformi rispettivi.
Għal din il-laqgħa tal-ECOFIN, kien preżenti s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi li fl-intervent tiegħu rringrazzja lill-Kummissjoni Ewropea għall-assistenza imprezzabbli li offriet lil Malta waqt it-tfassil ta’ dan il-pjan.
Huwa stqarr li b’dan il-pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza, b’nefqa ta’ €345 miljun, li €316 il-miljun minnhom ġejjin minn għotja diretta mill-istrument Ewropew NextGenerationEU, Malta se twettaq firxa wiesgħa ta’ riformi u investimenti. Dawn huma mmirati lejn l-isfidi identifikati, fost l-oħrajn, fir-rakkommandazzjonijiet speċifiċi għal pajjiżna magħrufa bħala l-Country Specific Recommendations. Il-miżuri f’dan il-Pjan jikkumplimentaw pjanijiet li għandu l-Gvern għal aktar investiment permezz tal-fondi ta’ Koeżjoni. L-għan huwa li jintlaħqu miri tat-tkabbir u tar-reżiljenza soċjali istituzzjonali kif ukoll dawk ambjentali. Il-pjan ta’ Malta jinkludi tletin riforma u sbatax-il proġett ta’ investiment mifruxa fuq sitt oqsma.
L-ewwel żewġ oqsma jindirizzaw it-tibdil fil-klima billi l-pajjiż isir aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u li l-enerġija tkun waħda aktar nadifa, titħaddem ekonomija ċirkulari u jkollu sistema ta’ trasport aktar sostenibbli. Ser tkun żviluppata strateġija fit-tul biex sas-sena 2050 il-bini f’Malta jkun ġie rinovat filwaqt li l-pajjiż jirriorganizza s-sistema tal-ġbir tal-iskart tiegħu f’waħda aktar effiċjenti. Il-pjan jimmira li jikber l-użu tat-trasport pubbliku u jippromwovi aktar ir-remote working. Dan jista’ jwassal għal arja aktar nadifa permezz tat-tnaqqis tal-vetturi mit-toroq, speċjalment fir-rigward tal-ivvjaġġar minn u lejn il-postijiet tax-xogħol.
Dwar ir-riformi tal-Pjan, is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi qal li dawn se jkunu ikkumplimentati b’investiment biex jonqsu l-emmissjonijiet minn binjiet pubbliċi u privati, biex jingħataw inċentivi għax-xiri ta’ vetturi li jaħdmu bl-elettriku, inkluż għat-trasport pubbliku u biex jinbena moll ġdid għat-trasport bil-baħar fl-inħawi tal-San Pawl il-Baħar biex aktar nies jitħajjru jużaw mezzi ta’ transport alternattivi u aktar sostenibbli. B’kollox, 54% tal-infiq kollu tal-pjan kollu se jkunu indirizzati lejn it-tibdil fil-klima.
Element importanti ieħor tal-pjan, stqarr is-Segretarju Parlamentari, huwa dak immirat lejn id-diġitalizzazzjoni fejn hawnhekk l-investiment ilaħħaq is-26% tal-infiq ipprogrammat. Se tkompli tikber id-diġitilizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, fosthom fis-saħħa u l-qasam tal-ġustizzja filwaqt li kumpaniji ta’ daqs żgħir jew medju se jkunu mgħejjuna biex huma wkoll isaħħu id-diġitiliżazzjoni tagħhom. Din il-parti tal-pjan tindirizza wkoll l-isfidi li għandha Malta fil-qasam tar-Riċerka u l-Innovazzjoni l-aktar billi jitkattru r-rabtiet tal-oqsma tan-negozju mal-istituzzjonijiet edukattivi.
Stefan Zrinzo Azzopardi stqarr li l-pandemija Covid-19 kompliet turi kemm hija importanti r-reżiljenza fis-sistemi tas-saħħa tagħna. Għaldaqstant, permezz ta’ dawn il-fondi ser jissaħħaħ l-immaniġġjar tar-riżorsi umani u l-prevenzjoni tal-mard u jitwaqqaf Blood, Tissue u Cell Centre ġdid li se jnaqqas id-dipendenza ta’ Malta fuq pajjiżi barranin għal terapiji speċjalizzati.
Il-pjan ta’ Malta se jindirizza l-isfida taż-żgħażagħ li jitilqu kmieni mis-sistema edukattiva u ta’ dawk li għandhom bżonn isaħħu l-ħiliet tagħhom. Għalhekk ħa jittieħdu miżuri biex dawn iż-żgħażagħ ikollhom gwida aħjar u opportunitajiet aħjar għat-taħriġ. Il-pjan jipprevedi t-twaqqif ta’ Ċentru għall-Edukazzjoni Vokazzjonali li jinkludi l-bini tal-kampus ġdid għall-Istitut tal-Istudji Turistiċi, l-ITS.
Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi fisser ukoll lill-Ministri preżenti l-miżuri inklużi fil-pjan biex ikompli jissaħħaħ il-qafas istituzzjonali ta’ Malta b’riformi mill-aktar ambizzjużi li ħafna minnhom diġà bdew jitwettqu bil-għan li tkompli tissaħħaħ l-indipendenza tal-ġudikatura, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u kif ukoll l-aggressive tax planning.
Barra x-xogħol li diġà sar f’dawn l-oqsma, il-Gvern ser ikun qed iħares lejn titjib fl-indipendenza ta’ tribunali speċjalizzati u lejn it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet li jaħdmu kontra l-korruzzjoni. Il-pjan jasħseb ukoll għal aktar miżuri fit-tisħiħtal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, fl-istess waqt li jkompli jindirizza l-isfidi identifikati mill-FATF.