“Abbozz Ta’ Liġi Ambizzjuż U Responsabbli” – Żgħażagħ Laburisti

 “Abbozz Ta’ Liġi Ambizzjuż U Responsabbli” – Żgħażagħ Laburisti

Żgħażagħ Laburisti jilqgħu b’sodisfazzjon l-abbozz ta’ liġi b’qafas legali ġdid għall-użu personali tal-kannabis li kien ippreżentat għall-ewwel qari fil-Parlament it-Tnejn li għadda u dalgħodu ngħataw dettalji tiegħu.

Il-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit Laburista fi stqarrija qalet li kienet fost dawk li ħadu sehem fil-proċess ta’ konsultazzjoni mniedi mill-gvern u tinnota b’sodisfazzjon li proposti minn tagħha kienu nklużi fl-abbozz ippreżentat fil-parlament.

Huma qalu li b’dan l-abbozz il-gvern qed juri li hu l-iktar forza riformista f’pajjiżna u dan wassal biex qed iressaq ‘il quddiem liġi ambizzjuża u responsabbli.

Iż-Żgħażagħ Laburisti tennew li l-mod kif tfasslet il-liġi hu maħsub biex ineħħi l-istigma u ma jistmax ta’ kriminali persuni li fil-fatt mhumiex ta’ hekk. “Nilqgħu l-proposta li għandha l-għan li tnaddaf il-kondotta tal-persuni li jkunu nstabu ħatja mill-Qorti ta’ Malta ta’ reat li se jkun qed jiġi dekriminalizzat. Dan għandu l-għan li jnaqqas il-marġinalizzazzjoni fis-soċjetà.”

L-introduzzjoni u t-twaqqif tal-awtorità dwar l-użu responsabbli tal-kannabis hekk kif proposta wkoll għandu jkollha rwol importanti u Żgħażagħ Laburisti tinnota b’sodisfazzjoni li din hi proposta oħra li tressqet ‘l quddiem fid-dokument li kien ssottomess fil-konsultazzjoni pubblika minn din il-fergħa.

“Issa nħarsu ‘l quddiem għal dibattitu parlamentari bbażat fuq il-fatti bil-għan li din ir-riforma tkun konkluża bħalma kienu konklużi riformi oħra importanti minn Gvern Laburista,” temmew jgħidu ż-Żgħażagħ Laburisti.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com