Tifla Ta’ 3 Snin Minsija Fuq Vann Tal-Iskola Tispiċċa F’Garaxx Maqful
Tifla ta’ 3 snin tħalliet fuq il-vann tal-iskola għal madwar 3 sigħat f’garaxx maqful.
Din l-istorja żvelata minn Lovin Malta qajmet tħassib serju fost il-ġenituri dwar l-attenzjoni li qed tingħata lit-tfal.
Din it-tifla li tmur l-iskola primarja tal-Pietà wara li spiċċat rikbet il-vann sabiex tmur Klabb 3-16 fil-Ħamrun. Dan huwa post fejn jieħdu ħsieb lit-tfal ta’ dawk il-ġenituri li jaħdmu full-time u ma jkunux jistgħu jiġbru lit-tfal tagħhom kmieni.
Apparentement x’ħin l-omm marret għat-tifla din ma nstabitx fl-iskola. Bla dubju l-omm kellha qata’ kbir fuqha hekk kif it-tifla ma nstabitx. Minnufih ġew infurmati l-Pulizija wkoll dwar dan il-każ fejn ippruvaw jikkuntattjaw lid-driver tal-vann però ma bediex jirrispondi.
Wara madwar nofs siegħa t-tifla Marija ġiet ritornata mingħajr spjegazzjoni mid-driver tal-vann li qal li xogħolu huwa biss ta’ driver.
Jidher li fil-vann ma kienx hemm persuna li tieħu ħsieb it-tfal u lanqas ġew iċċekkjati t-tfal mil-istaff tal-iskola.
It-tifla qalet li f’dak il-ħin li sabet ruħha weħedha bdiet twerżaq kemm tiflaħ lill-omma.
L-Omm qalet li wara din l-esperjenza t-tifla ġiet trawmatizzata u ma tridx tmur skola wara li għamlet 3 sigħat fid-dlam ġo garaxx vojt.
F’reazzjoni għal din l-istorja l-Ministru għall-Edukazzjoni Justine Caruana qalet li talbet li isir investigazzjoni dwar dan il-każ.