Il-PN Iressaq Aktar Proposti Biex Jintlaħaq Aktar Bilanċ Bejn Ix-Xogħol U L-Ħajja

 Il-PN Iressaq Aktar Proposti Biex Jintlaħaq Aktar Bilanċ Bejn Ix-Xogħol U L-Ħajja

Il-familja hija element kruċjali fil-politika tal-Partit Nazzjonalista. Pajjiżna għandu fost l-aktar rati baxxi ta’ twelid fl-Unjoni Ewropea, xejra li ser twassal għal sfidi soċjo-ekonomiċi kbar fis-snin li ġejjin. Il-proposti li qed iressaq il-Partit Nazzjonalista huma intiżi biex nibdew nindirizzaw din l-isfida billi nsaħħu l-appoġġ lill-familji Maltin u Għawdxin biex irabbu t-tfal.

Kien dan il-ġist ta’ konferenza tal-aħbarijiet li fiha tħabbru aktar proposti dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja li tressqu f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mid-deputati Jason Azzopardi u Claudette Buttigieg kif ukoll minn Marie Claire Zammit membru fi ħdan il-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista.

Il-kelliema qalu li l-iskop tal-Partit Nazzjonalista hu li rġiel u nisa jkunu kuntenti fuq il-post tax-xogħol, li jagħtu l-massimu tagħhom lil min iħaddimhom, u fl-istess ħin jassiguraw li jgawdu l-familja, jrabbu lil uliedhom u jkunu hemm għalihom.

Il-PN qed jipproponi li l-ħaddiema kollha jingħataw id-dritt statutorju li jitolbu għal “temporal flexibility” fir-rigward ta’ x’ħin jibdew u x’ħin jispiċċaw, b’arranġament ma’ min iħaddem, u skont id-direttiva tal-Unjoni Ewropeja tal-Work Life Balance.

Min iħaddem huwa obbligat li jikkunsidra dawn it-talbiet u jrid jagħti ġustifikazzjoni bil-miktub f’każ li jiġu rifjutati dawn it-talbiet.

Proposta oħra hija li l-ħaddiema jkollhom il-flessibilita li jaħdmu b’mod hybrid. Dan ifisser li l-impjegati kollha ikollhom id-dritt li jitolbu biex jaħdmu mid-dar (jew minn post ieħor) numru ta’ ġranet fil-ġimgħa, kif ikun maqbul ma’ min iħaddimhom, u bil-kundizzjoni li tinżamm il-produttivitá kif ukoll jintlaħqu l-bżonnijiet tal-klijenti.

Il-PN qed jipproponi li tingħata Tax Rebate lil min iħaddem li jinvesti f’għamara “ergonomic” għall-ħaddiema li jaħdmu kemm mill-uffiċċju kif ukoll mid-dar. Min iħaddem irid jassigura ukoll li l-ħaddiema jiġu provduti bl-apparat kollu neċessarju għal ħidma tagħhom.

Ġranet fejn jinżamm kuntatt: Keeping in touch (KIT) days hija proposta oħra li tfisser li l-impjegati jistgħu jaħdmu sa għaxart’ijiem matul il-maternity, paternity jew adoption leave, bi ħlas. L-impjegati jistgħu wkoll jaħdmu sa 20 ġurnata matul il-parental leave, dan ukoll bi ħlas.  Dawn jissejħu parental leave in touch days.  Dawn il-ġranet huma optional, u jrid ikun hemm qbil dwarhom bejn l-impjegat u min iħaddem.

Il-PN qed jipproponi wkoll emendi fil-liġi sabiex jkunu protetti n-nisa tqal fuq il-post tax-xogħol.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com