Il-Ħames U L-Aħħar Konsultazzjoni Pubblika Bi Preparazzjoni Għall-Baġit 2022
Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana attenda għall-ħames u l-aħħar konsultazzjoni pubblika bi preparazzjoni għall-Baġit għas-sena 2022 bit-tema, ‘X’pajjiż tixtieq tħalli lil uliedek?’
Matul l-attività fil-Kottonera Sports Complex f’Bormla, il-pubbliku kien imħeġġeġ iwassal is-suġġerimenti tiegħu għall-baġit li ġej. Diversi punti tqajmu għad-diskussjoni fosthom il-banek, l-għoli tal-ħajja, stipendji għan-nies li jixtiequ jerġgħu jibdew jistudjaw u jaħdmu f’xogħol ieħor u għajnuna għan-negozji biex jaqilbu għal mezzi aktar favur l-ambjent.
Il-Ministru Caruana wieġeb għal dawn il-mistoqsijiet mill-pubbliku kif ukoll għal dawk li daħlu mill-mezzi soċjali. Fl-indirizz tiegħu spjega x’qed iwassal biex madwar id-dinja qed ikun hemm inflazzjoni u spjega kif dan il-piż li n-nies jaffaċċjaw bħala l-għoli tal-ħajja, hemm bżonn ta’ mekkaniżmu ġdid li jgħin lil dawk il-familji bi dħul baxx.
Daħlu wkoll numru ta’ punti fuq l-ambjent u l-Ministru Caruana qal, “Messaġġ li ħa nkun ċert li nwassal nhar it-Tnejn huwa li rridu nagħmlu l-ewwel pass sabiex l-ambjent ta’ madwarna nibdew nindirizzawh. Kif it-tema ta’ dawn il-konsultazzjonijiet ta’ qabel il-Baġit hija kif nixtiequ nħallu l-pajjiż lil uliedna, u l-ħolma hija dejjem dik li nħallu post aħjar milli sibnieh, f’dan il-baġit se nagħmlu l-ewwel pass minn ħafna biex ikollna ambjent aħjar”.