Imniedi L-Programm Forbes International Star Award Għas-Settur Turistiku
Malta se tkun l-ewwel pajjiż fid-dinja li se tkun parteċipi fil-Forbes International Star Award. Dan huwa programm intiż li jiċċertifika ristoranti u lukandi bil-għan li s-settur tal-ospitalità jiġi mħarreġ u ppremjat għall-prodott turistiku li joffri lill-pubbliku.
Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo, fil-preżenza tad-Deputat Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef u tal-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Maltija għar-Ristoranti u l-Lukandiera Andrew Agius Muscat.
Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka li filwaqt li hu importanti li pajjiżna jsostni l-volum ta’ turisti li jiġu Malta, huwa importanti li nagħmlu l-qabża li jmiss billi ntejbu l-kwalità fis-settur turistiku.
“Is-suċċessi tal-passat irridu ndawruhom f’garanzija għall-futur. Il-Forbes International Star Award huwa eżempju ċar ta’ fejn irridu nieħdu din l-industrija. Dan irid ikun settur li jkun ibbażat fuq l-eċċellenza u l-innovazzjoni f’kull aspett li nagħmlu lkoll flimkien”, qal il-Ministru Clayton Bartolo.
Żied jgħid li l-ġenerazzjonijiet tal-lum u dawk li ġejjin jistennew li l-gvern juri s-sostenn tiegħu għal programmi simili filwaqt li jinvesti f’iżjed infrastruttura ta’ kwalità f’postijiet turistiċi.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef qal li l-MTA hija konvinta li dan il-programm ser iservi ta’ motivazzjoni sabiex l-istabbilimenti turistiċi jkomplu jirfinaw is-servizzi tagħhom, aspett li fih innifsu huwa pass ieħor lejn dak li l-awtorità u l-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur qed iħarsu fl-Istrateġija għas-Settur Turistiku għall-għaxar snin li ġejjin.
Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Maltija għar-Ristoranti u l-Lukandiera Andrew Agius Muscat iddeskriva dawn iċ-ċertifikati bħala timbru dinji fejn jidħlu s-sigurtà u l-kwalità tal-prodott turistiku Malti.