Tfajla Ta’ 25 Sena Arrestata Fl-Ajruport Ta’ Malta B’90 Kapsula Kokaina B’Valur Ta’ €120,000
Illum il-Pulizija ħa tressaq tfajla ta’ 25 sena l-Qorti akkużata b’pussess u traffikar tad-droga.
F’ħidma konġunta bejn il-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u d-Dipartiment tad-Dwana, nhar it-Tnejn li għadda, ġiet arrestata tfajla ta’ 25 sena mir-Repubblika Domenikana, mal-wasla tagħha f’Malta, b’titjira diretta minn Madrid, Spanja.
Waqt tfittxija fuq din it-tfajla nstabu 90 kapsula ta’ droga suspettata kokaina fl-ammont ta’ madwar 900 gramma, b’valur fit-triq ta’ kważi €120,000. Hija qiegħda tinżamm fil-lockup fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana għall-aktar stħarriġ.
Din hija t-tieni sejba ta’ droga kokaina fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fi ftit jiem.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Dr Lara Lanfranco, fejn ħatret diversi esperti.
Kemm il-Pulizija kif ukoll id-Dipartiment tad-Dwana qed jintensifikaw it-tfittxijiet tagħhom fuq dawn it-titjiriet li ġejjin minn Madrid, anke permezz ta’ klieb imħarrġa għal dan l-iskop.
Illum, il-Pulizija ser tressaq lit-tfajla l-Qorti, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Claire Stafrace Zammit.