Inawgurata Sala Ġdida Fl-Isptar Mater Dei

 Inawgurata Sala Ġdida Fl-Isptar Mater Dei

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne inawgura sala ġdida speċjalizzata fl-Isptar Mater Dei biex tilqa’ fiha pazjenti li jkollhom bżonn kura aktar intensiva wara jew qabel operazzjoni maġġuri.

Il-pazjenti fis-Surgical High Dependency Unit ikollhom bżonn kura iżjed minn sala normali, iżda mhux daqs kemm tingħata fl-ITU.

“Din is-sala se tkun qed tippermetti li nagħmlu iżjed operazzjonijiet maġġuri, kien hemm każijiet fis-snin u xhur li għaddew fejn operazzjonijiet kellhom jitħassru minħabba li l-pazjent wara l-operazzjoni jkollu bżonn kura instensiva u ma jkunx hemm post l-ITU għax ikun meħud b’każijiet aktar urġenti, għaldaqstant din is-sala se tgħin biex dawn il-pazjenti jkunu jistgħu jiġu kkurati. Din is-sala tagħti anke serħan il-moħħ lit-team ta’ kirurgi f’Mater Dei li jafu li wara l-operazzjoni l-pazjenti tagħhom se jkollhom sala u team dedikat ta’ nies iħarsu l-bżonnijiet tagħhom. Hija ta’ importanza wkoll hekk kif illum ninsabu f’punt fil-pandemija fejn qegħdin nirkupraw mill-interventi kirurġiċi li tlifna fis-snin u xhur ta’ qabel sabiex stajna nieħdu ħsieb pazjenti bil-Covid-19 speċjalment dawk fl-ITU”, qal id-Deputat Prim Ministru.

Żied jgħid li minħabba l-kura intensiva li kellu jagħti l-isptar lill-pażjenti bil-COVID-19 fl-eqqel tal-pandemija, żdied ż-żmien ta’ stennija għall-maġġoranza tal-operazzjonijiet f’Mater Dei, għal żmien li huwa itwal minn dak li stabbilit fil-Patient Charter. Spjega li f’Lulju 2021, meta pajjiżna beda jirkupra mill-pandemija, kien hemm 5,954 pazjent jistennew operazzjoni, u li biż-żieda fl-ammont ta’ operazzjonijiet li jsiru ta’ kull ġimgħa, sa Settembru 2021 din il-figura naqset għal 3,380.

“Fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin l-impenn tagħna hu li nnaqsu l-listi ta’ stennija għal li kienu qabel il-pandemija jew aħjar. Din is-Surgical High Dependency Unit hija waħda mill-fatturi li se twassal għal dan.  Fost oħrajn bħalissa qegħdin nagħmlu operazzjonijiet anke fil-Ħdud u l-festi pubbliċi, kif ukoll qed nagħmlu operazzjonijiet fi sptarijiet privati mħallsa mill-Gvern”, qal Chris Fearne.

Id-Deputat Prim Ministru rringrazzja lill-Clinical Chairperson tal-Isptar Mater Dei, Mr Gordon Caruana Dingli, u lill-kirurgu responsabbli mis-sala, Mr Jo Etienne Abela.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com