Sewwieq Ta’ Mutur Iweġġa’ Gravi F’Aċċident Tat-Traffiku F’Għawdex
Sewwieq ta’ mutur iweġġa gravi f’aċċident tat-traffiku li seħħ ilbieraħ, għal xi d-8:45pm, fi Triq l-Ewropa, ir-Rabat, Għawdex.
Mill-ewwel investigazzjonijiet li saru jidher li kienet seħħet ħabta bejn mutur Honda misjuq minn raġel ta’ 34 sena residenti x-Xagħra u Toyota Ractis misjuqa minn raġel ta’ 27 sena residenti x-Xagħra wkoll.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet lix-xufier tal-mutur l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.