“Budget Għal-Lum Biss…M’hemm Xejn Għal Għada Ħlief Dejn” – Il-Kap Tal-PN Bernard Grech

 “Budget Għal-Lum Biss…M’hemm Xejn Għal Għada Ħlief Dejn” – Il-Kap Tal-PN Bernard Grech

“Budget mingħajr ebda strateġija, mingħajr ebda sens ta’ direzzjoni, bla ebda viżjoni.  92 paġna ta’ diskors, tlieta biss dwar Malta ta’ għada. M’hemm xejn għal għada ħlief dejn.”

Hekk saħaq il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fl-ewwel reazzjoni tiegħu għall-budget.

Huwa spjega li dan il-budget mhux kredibbli. “Dan għaliex il-gvern diġà falla bil-kbir din is-sena fil-miri finanzjarji tiegħu. Għas-sena d-dieħla reġa’ qed jipproġetta l-istess defiċit li kien wiegħed għal din is-sena. Din is-sena l-gvern qed jammetti li d-defiċit se jkun id-doppju ta’ dak li preveda.”

Il-Kap tal-PN qal li dan hu budget fl-arja, “għaliex minkejja defiċit ħafna ikbar milli wiegħed, ma wettaqx terz tal-miżuri tal-budget tas-sena li għaddiet. Huwa kompla jgħid li dan hu gvern li dejjen il-pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li dan hu budget li nesa l-frontliners fosthom nurses, tobba, għalliema, l-LSEs, il-pulizija, kollha minsijin.

Huwa qal li fil-budget hemm miżuri tajbin li l-PN ilu jinsisti fuqhom, fosthom dawk tal-mediċini b’xejn fosthom tal-IVF.

“Madankollu l-budget ma fih ebda viżjoni fuq setturi  ewlenin tal-ekonomija,” saħaq Bernard Grech.

Huwa kompla jsostni li l-Gvern ma semma xejn dwar l-għoli tal-ħajja u l-għajnuna mogħtija hija ftit wisq għaż-żidiet. “Il-flus tberbqu fuq konsulenzi” qal Grech filwaqt li saħaq li ma ssemma xejn għall-industrija biex jgħinna taffronta l-kriżi tat-trasport fejn tidħol l-importazzjoni/esportazzjoni.

Il-Kap tal-PN qal li “t-Trasport b’xejn għal kulħadd ifisser ħafna – jekk issir. Għax diġà, sal-bieraħ metro tiela’ u metro nieżel u qas ewro biex nagħmlu studju m’għandna.”

Dwar is-settur għall-enerġija, Bernard Grech qal li l-Ministru Clyde Caruana qal li ser jirranġa mekkaniżmu tal-kontijiet iżda mhux meta. “Dak li serqek il-Labour mhux se jtihulek lura. Partit Nazzjonalista fil-Gvern jagħtik dak li nsteraqlek,” tenna l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista qal li dan mhux il-pajjiż li qed jaspira għalih il-Partit Nazzjonalista. “Mhux il-pajjiż li jrid il-poplu Malti. Gvern Nazzjonalista jkun garanzija ta’ pajjiż b’saħħtu biex flimkien ikollna poplu b’saħħtu.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com