“Jekk Iridu Jkun Jafu Kif Naħsibha Fuq Il-Budget Jistednuni…U Jġibu Lil Min Iridu Biex Niddiskutu” – Adrian Delia
“Il-One għandhom l-aġenda tagħhom – l-aġenda ta’ Gvern korrott.”
Kien dan il-kliem li beda bih f’kumment li kiteb Adrian Delia ftit tal-minuti ilu fuq il-mezzi soċjali tiegħu. Dan f’reazzjoni wara diversi filmati tal-intervista ta’ Ċensu l-Iswed bdew jiċċirkolaw fuq il-midja.
Huwa qal li “jekk iridu jkun jafu kif naħsibha fuq il-Budget jistgħu jistednuni fuq programm minn tagħhom. Jien immur u jġibu lil min iridu biex niddiskutu.”
Adrian Delia qal li “l-PN mhux perfett, u baqalu xi jbiddel u x’jirranġa. Irid jerġa jirritorna għand in-nies…Imma dan il-Gvern huwa kompromess bil-kbir.”
L-eks Kap tal-PN saħaq li l-PL “għadu ma nfatamx mill-klikka kriminali li ħakmitu minn qabel l-2013. Għadu ma caħadtx lil min niżżlu fl-agħar livell ta’ korruzzjoni li qatt ra pajjiżna.”
Adrian Delia kompla jsostni li sakemm il-Gvern ma jroddx il-miljuni lura lill-poplu, fosthom mill-kuntratt ta’ €69 miljun fis-sena tal-Vitals, u l-€40 miljun fis-sena tal-Electrogas, “ebda Budget m’hu ser ikun Budget onest.”
Huwa temm jgħid li l-Gvern “għadu ma ntebaħx li surplus u defiċit huma kliem tal-ekonomisti u li parti tal- poplu tagħna qed tbati biex tlaħħaq mal-għoli tal-ħajja. Dawn ġustizzja soċjali u wens għandhom bżonn mhux kliem fierah u diskussjonijiet.”