L-Avukati F’Għawdex Jkomplu Bl-Azzjoni Tagħhom Wara Laqgħa Oħra Mal-Ministru Zammit Lewis
Matul il-ġurnata tal-Ħamis, il-Ministru għall-Ġustizzja Dr. Edward Zammit Lewis, żamm laqgħa mal-’Avukati Għawdex’ li għaliha kienu preżenti wkoll membri tal-amministrazzjoni tal-Aġenzija għas-Servizz tal-Qrati fosthom is-CEO Ms. Eunice Grech Fiorini.
Din il-laqgħa saret fid-dawl li s-sitwazzjoni fil-Qorti ta’ Għawdex għada l-Istess u ma’ tranġa xejn, bir-riżultat li l-avukati f’Għawdex għadhom mhux jirrapportaw għas-seduti.
Fi stqarrija ntqal li waqt din il-laqgħa ġew diskussi t-temi prinċipali li jeħtieġ li jiġu indirizzati b’mod immedjat fosthom il-problema ta’ nuqqas ta’ marixxalli u nuqqas ta’ staff kif ukoll it-twettiq tal-Liġi dwar l-Imħallef għal Għawdex. Barra minn hekk ġew diskussi materji oħra fosthom il-bini ta’ Qorti ġdid.
Min-naħa tiegħu l-Ministru wiegħed li ser jingħataw struzzjonijiet ċari sabiex fl-immedjat, is-sitwazzjoni tiġi mtejjba u b’hekk il-problemi li jeżistu fl-amministrazzjoni tal-Qorti f’Għawdex jiġu indirizzati. F’dan is-sens għalhekk ser jingħataw termini ċari inkluż ukoll indikazzjoni taż-żmien li fihom ser jitwettqu dawn il-miljoramenti.
Min-naħa tagħhom l-Avukati prattikanti quddiem il-Qorti f’Għawdex ser ikomplu bl-azzjoni kollettiva tagħhom billi ma jattendux għas-seduti sakemm ikun hemm rimedji idonji għas-sitwazzjoni tal-Qorti ta’ Għawdex billi jiġu indirizzati l-punti li ġew diskussi waqt il-laqgħa.