Bernard Grech Sellem Il-Memorja Ta’ Caruana Galizia – “Ma Nistgħux Nibqgħu Nħarsu N-Naħa L-Oħra Meta Nosservaw Xi Abbuż”
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech dalgħodu sellem il-memorja u poġġa fjuri fil-post fejn erba’ snin ilu ġiet assassinat l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Caruana Galizia ġiet maqtula permezz ta’ bomba fil-karozza tagħha ftit sekondi wara li kienet telqet mid-dar tagħha fil-Bidnija.
Bernard Grech kien akkumpanjat minn martu AnneMarie, is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino u Emma Bonnici, l-persuna inkarigata mit-tfassil tar-rapport ‘Qatt Aktar’. Huma ntlaqgħu fil-post minn Matthew Caruana Galizia.
F’messaġġ fuq il-mezzi soċjali l-Kap tal-PN qal li dan l-qtil ma jkun sewa għal xejn jekk nibqgħu indawru wiċċna n-naħa l-oħra għal ħażin li jkun qed iseħħ madwarna.
“Jekk taħseb li billi llum tpoġġi bukkett fjuri biss u tibqa’ jdejk fil-but ser tassigura li l-inġustizzja, l-abbuż, il-korruzzjoni, it-tixħim, il-moħqrija, il-qtil – m’huma se jseħħu QATT AKTAR…Huwa DMIR TAGĦNA li nibqgħu VIĠILANTI DEJJEM,” temm jgħid Bernard Grech fil-messaġġ li kiteb wara li żar il-Bidnija.