Il-President Jinawgura L-Konferenza Internazzjonali “MUŻE.X – Shaping Museum Futures”
“Hekk kif il-mużewijiet għaddejjin minn żminijiet ta’ inċertezza, id-diskussjonijiet dwar il-futur tagħhom jistgħu jkunu informati mill-ħtieġa li l-mużewijiet jiġu mibdula fi spazji tassew demokratiċi, inklussivi u polifoniċi għal diskussjonijiet kritiċi dwar il-passat u l-futur”, qal il-President ta’ Malta nhar it-Tnejn filgħaxija waqt li inawgura l-konferenza “MUŻE.X – Shaping Museum Futures”.
Din hija konferenza fuq tlett ijiem li tlaqqa’ lil managers u kuraturi tal-mużewijiet, riċerkaturi u studenti u partijiet interessati fl-industrija minn madwar id-dinja kollha biex jiddiskutu u jiddibattu l-ġejjieni tal-mużewijiet u x-xejriet li jistgħu jieħdu.
Il-President qal li din il-konferenza hija opportunità tajba ħafna biex jiġu rikonoxxuti l-isforzi tal-Università ta’ Malta fit-tmexxija ta’ ħsibijiet ġodda u fil-ħolqien tal-ambjent it-tajjeb biex isir dan, sabiex jakkwistaw irwol internazzjonali f’dan il-qasam.
Il-President Vella spjega li diskussjoni oħra possibbli tista’ tkun dik dwar jekk il-mużewijiet qattx jistgħu jintegraw bis-sħiħ fi ħdan il-komunitajiet, fejn jaġixxu bħala xprun għal bidliet radikali billi jinformaw u jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ soċjetajiet aħjar.
Il-modi u l-mezzi kif il-mużewijiet jistgħu jippromwovu l-inklużjoni soċjali u jikkontribwixxu għal għarfien aħjar dwar l-ambjent naturali “u jieħdu l-impenn li jappoġġjaw azzjoni sinifikanti u sostanzjali b’reazzjoni għat-tibdil fil-klima”, hija kwistjoni oħra li l-President iddeskriva bħala valida b’mod sinifikanti għad-diskussjoni.
Il-President awgura li din il-konferenza tikkontribwixxi għal dibattiti internazzjonali dwar il-futur tal-mużewijiet b’modi sinifikanti li jistgħu jagħtu kontribut b’mod sostanzjali għal dinja aħjar.
Ritratti: DOI