“L-Involvilment Taż-Żgħażagħ Akbar Fil-Komunità Milli Fil-Politika”

 “L-Involvilment Taż-Żgħażagħ Akbar Fil-Komunità Milli Fil-Politika”

Stħarriġ li sar juri li ż-żgħażagħ għandhom iktar probabiltà li jinvolvu ruħhom fuq livell ta’ komunità milli fil-politika. L-interess tagħhom fil-politika jonqos aktar ma jikbru fl-età. Irriżulta wkoll li t-tfajliet iħarsu lejn l-impenn fil-komunità b’mod pożittiv u jipparteċipaw f’inizjattivi u attivitajiet komunitarji aktar mill-ġuvintur.

Ir-riċerka saret minn DISCERN, l-istitut għar-riċerka dwar is-sinjali taż-żminijiet, fost 498 żagħżugħ u żagħżugħa bejn is-16 u l-25 sena. Din hija parti minn proġett tal-Malta Catholic Youth Network (MCYN) u l-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi sabiex jifhmu aħjar l-attitudnijiet taż-żgħażagħ fis-soċjetà.

F’dan l-istħarriġ iż-żgħażagħ wieġbu dwar diversi suġġetti fosthom temi importanti għalihom, l-irwol tagħhom fil-komunità, il-politika, il-mużika, il-fidi u l-volontarjat. 81% tal-parteċipanti identifikaw ruħhom bħala Kattoliċi, 16% qalu li ma jħaddnu l-ebda reliġjon u 3% jħaddnu reliġjon oħra. 11% tal-parteċipanti wieġbu li huma membri ta’ għaqdiet taż-żgħażagħ jew għaqdiet reliġjużi.

L-istħarriġ wera li s-saħħa, l-ambjent u x-xogħol huma fost l-iktar suġġetti li jinteressaw liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Is-saħħa kienet l-iktar kunsiderazzjoni importanti għaż-żgħażagħ. Il-pandemija tal-COVID-19 setgħet influwenzat din l-għażla.

71% taż-żgħażagħ qalu li l-ambjent iqisuh bħala estremament importanti u 19% jqisu importanti ħafna. Filwaqt li l-kwistjonijiet ambjentali jinteressaw liż-żgħażagħ kollha, dawk b’edukazzjoni terzjarja juru interess akbar. Temi oħra li jinteressaw liż-żgħażagħ huma l-ekonomija, it-titjib fl-istituzzjonijiet, il-housing u l-migrazzjoni.

L-istħarrig wera wkoll li 36% jqisu l-media soċjali bħala s-sors ewlieni tagħhom għall-ġrajjiet kurrenti. 22% qalu li jfittxu l-aħbarijiet kemm mill-media soċjali kif ukoll minn websites bħalma huma newsportals. 10% jirreferu direttament għall-websites tal-aħbarijiet.

Mistoqsija dwar l-involviment politiku tagħhom, iż-żgħażagħ qalu li jippreferu jkunu attivi billi jivvutaw u billi jiffirmaw petizzjoni online, milli jattendu xi laqgħa politika jew jesprimu l-fehma tagħhom fuq il-media soċjali. L-istħarriġ wera wkoll li dawk iż-żgħażagħ b’edukazzjoni terzjarja huma aktar inklinati li jinteressaw ruħhom fi kwistjonijiet politiċi.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com