Bil-Filmat: Tkessieħ Ta’ Batteriji Permezz Tal-Proċess Tal-Evaproazzjoni
Teknoloġija ġdida li tkessaħ batteriji Lithium ion permezz tal-proċess tal-evaporazzjoni ġiet żviluppa minn riċerkaturi lokali u l-industrija. It-teknoloġija żviluppata fil-proġett NEVAC se tegħleb d-diffikultà li meta batteriji jkunu qed jiġu ċċarġjati u qed iwaqqgħu iċ-charge malajr, permezz ta’ tagħmir ta’ kurrent għoli, jisħnu żżejjed.
Il-Proġett NEVAC huwa kollaborazzjoni bejn l-Istitut tat-Teknoloġija Aerospazjali fl-Università ta’ Malta, u Abertax Kemtronics, u ffinanzjat permezz tal-programm FUSION tal- R & I, amministrat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija.
Il-konsorzju rċieva madwar 200,000 euro f’fondi għal dan il-proġett ta’ riċerka. Il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka, u l-Innovazzjoni, l-Onorevoli Owen Bonnici attenda attività bil-parteċipazzjoni tal-pubbliku li saret l-EsploraPlanetarium, fiċ-Chaplain’s Hall, iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza, il-Kalkara, sabiex jippromwovi din ir-riċerka innovattiva u biex jiċċelbra x-xogħol u r-riżultati miksuba mir-riċerkaturi involuti. Waqt l-indirizz tiegħu huwa qal: “Minbarra l-valur kummerċjali ta’ proġett bħal dan, it-trasferiment tal-għarfien li jsir meta entitajiet pubbliċi u privati jaħdmu flimkien bħal f’konsorzji bħal dawn, huwa fil-fatt imprezzabbli u se jkompli jrendi anke’ fil-ġejjieni.
Mingħajr kollaborazzjonijiet bħal dawn, dawn il-proġetti tal-R & I jkunu impossibbli, u ma nistax nenfasizza biżżejjed l-importanza għal pajjiżna li jkompli jinvesti fit-tisħiħ tal-pilastru tar-riċerka u l-innovazzjoni, li huwa ċ-ċavetta għat-tkabbir ekonomiku u l-impatt kompetittiv tagħna. Malta m’għadhiex fuq wara nett, tistenna li riċerkaturi barranin joħorġu bis-soluzzjonijiet li għandha bżonn. Ir-riċerkaturi Maltin tagħna issa
qed jaħdmu flimkien ma’ entitajiet u riċerkaturi internazzjonali u xi drabi saħansitra jmexxu t-triq.”
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Dr Jeffrey Pullicino Orlando, qal li: “L-MCST qed jaħdem qatiegħ sabiex irawwem kultura ta’ riċerka u innovazzjoni f’pajjiżna. Dan l-għan qed jintlaħaq permezz ta’ diversi programmi ta’ fondi offruti f’dan il-qasam, fosthom il-fond nazzjonali FUSION. NEVAC, huwa proġett innovattiv ieħor ta’ suċċess, iffinanzjat mill-FUSION Technology Development Programme, li daħal f’fażi eċitanti oħra fejn ir-ricerkaturi se jkunu qed japplikaw għal patent internazzjonali. Huma proġetti ta’ din il-kwalità li jagħmluni kburi mhux biss bħala Chairman Eżekuttiv tal-entità, iżda wkoll bħala ċittadin Malti.”
Huwa żied jgħid li “huwa permezz ta’ sforzi kollettivi li jirnexxielna niksbu l-aqwa riżultati fir-riċerka marbuta max-xjenza u t-teknoloġija.”
Il-batteriji Lithium ion huma kkunsidrati bħala komponenti ewlenin li jħaddmu t-telephones ċellulari, laptops u vetturi li jaħdmu bl-elettriku. Iżda dawn ibatu minn limitazzjoni tas-sħana. Il-mod kif taħdem il-batterija tiddependi mit-temperatura u il-mod kif tiġi immaniġjata s-sħana hija importanti ħafna.
Il -proġett NEVAC żviluppa mekkaniżmu li jkessah il-batteriji, u li permezz tiegħu tista’ tiċċarġja u tbatti l-batteriji b’rata ta’ kurrent ogħli mingħajr ma jisħnu. NEVAC jisfrutta l-kunċett tat-togħlija ta’ likwidu apposta, li għandu vantaġġi varji, bħall per eżempju: il-battery pack sħiħa żżomm temperatura waħda, u l-kunċett jiġbed sħana akbar miċ-ċelloli tal-batteriji.
Dr Robert Camilleri, il-mexxej tal-proġett NEVAC fi ħdan l-istitut tat-Teknoloġija Aerospazjali fl-Università qal li: “Qed isir aktar ovvju li rridu nimxu lejn it-trasport bl-elettriku, iżda hemm it-tħassib ta’ kemm il-vetturi jistgħu jiċċarġjaw il-batteriji malajr. Waħda mill-akbar limitazzjonijiet li hemm biex wieħed jiċċarġja batterija malajr hija li din tisħon ħafna għaliex il-kurrent jiġġenera sħana żejda u tikkrea riskji, inkluż dak li tista’ taqbad. Il-proġett NEVAC indirizza dawn il-limitazzjonijiet billi żviluppa teknoloġija ġdida li kapaċi tkessaħ iċ-ċelloli tal-batteriji b’mod effettiv u b’hekk tipprovdi possibiltà li jiċċarġjaw malajr.”
It-tim tal-proġett ta preżentazzjonijiet tekniċi dwar il-proġett u saret diskussjoni minn kelliema esperti mmexija minn Dr Robert Camilleri, dwar il-qasam tas-suġġett.
L-avveniment ġie strimjat live u jista’ jiġi segwit permezz tal-ħolqa li jmiss: