“Il-Budget Huwa L-Ewwel Pass Għas-suq Tax-xogħol Ta’ Għada” – Il-Ministru Clyde Caruana

 “Il-Budget Huwa L-Ewwel Pass Għas-suq Tax-xogħol Ta’ Għada” – Il-Ministru Clyde Caruana

F’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Malta li rridu għal uliedna’, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana tkellem dwar kif il-Budget għas-sena 2022 se jkompli jsaħħaħ is-suq tax-xogħol fil-preżent u kif ukoll għas-snin li ġejjin.

Il-Ministru Caruana qal li, “Il-miżuri li ħa l-gvern sabiex jissalvagwardja x-xogħol u l-għajxien ta’ eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin fi żmien il-pandemija, illum, sena u nofs wara, qed isarrfu f’figuri li juru kemm dawn tassew ħadmu – b’iktar nies fid-dinja tax-xogħol, u inqas nies qiegħda.” Huwa tkellem dwar kif dawn iż-żewġ fatturi jkomplu juru kemm pajjiżna għandu suq tax-xogħol b’saħħtu, kif ukoll jippermetti għall-miri u tbassir kunfidenti ta’ tkabbir ta’ 6.5% u defiċit ta’ 5.6% għas-sena li ġejja.

Il-Budget għall-2022 introduċa miżuri li se jkomplu jżidu l-produttività tal-pajjiż, jinkoraġixxu lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin, kif ukoll jagħmlu l-qasam tax-xogħol iktar attraenti. Il-Ministru Caruana semma numru ta’ miżuri, bħall-introduzzjoni tar-roħs fuq it-taxxa tal-part-time minn 15% għal 10% u t-twessigħ fin-numru ta’ sigħat li wieħed jista’ jagħmel f’over-time b’rata ta’ taxxa ta’ 15%. Huwa spjega wkoll kif, fuq medda ta’ ħames snin, se jkun qed jitnaqqas l-ammont ta’ taxxa għal dawk il-pensjonanti li jagħżlu li jibqgħu fid-dinja tax-xogħol, filwaqt li dawk il-ħaddiema li jaħdmu ma’ kuntratturi li jagħtu servizz lill-gvern se jkunu qed jitħallsu b’rata doppja fil-Ħdud u l-festi.

Il-Ministru Caruana tkellem ukoll dwar kif il-Budget ippreżentat mill-gvern jinkorpora rakkomandazzjonijiet mid-dokument tal-Politika Nazzjonali għas-Suq tax-Xogħol għad-disa’ snin li ġejjin. Huwa qal li kmieni s-sena d-dieħla, il-gvern se jibda jilqa’ għall-ikbar sfida tas-suq tax-xogħol – it-titjib fil-ħiliet tal-ħaddiema. “Fil-Budget, ħabbarna ċensiment li se jkun l-ewwel tax-xorta tiegħu kemm f’pajjiżna kif ukoll fl-Ewropa. Dan se jagħti stampa ċara tal-ħiliet li jħaddnu l-ħaddiema Maltin u Għawdxin, fejn huma n-nuqqasijiet u kif ukoll fejn għandu jsir l-investiment,” qal il-Ministru Caruana.

Barra minn hekk, fil-Budget tħabbar ukoll kif il-gvern se jkun qed jinvesti €2 miljun sabiex il-kumpaniji jkunu jistgħu jagħtu t-taħriġ neċċessarju lill-ħaddiema tagħhom. Se jsir ukoll Digital Audit ta’ kull post tax-xogħol – eżerċizzju sabiex jassigura li l-opportunitajiet li d-dinja diġitali mistennija toħloq fid-dinja tax-xogħol jkunu jistgħu jinħatfu minn ħaddiema Maltin. Dan fid-dawl li dawn ix-xogħlijiet bi bżonn ta’ iktar ħiliet u pagi aħjar iwasslu għall-mobiltà soċjali vera.

Il-Ministru sejjaħ dan il-Budget bħala l-ewwel pass f’dak li se jkun eżerċizzju li se jieħu numru ta’ snin sabiex ikompli jilħaq l-aspettativi tan-nies – pagi ogħla u livell ta’ għajxien aħjar għall-familji Maltin u Għawdxin.

Ritratti: MFE

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com