Malta Li Rridu Għal Uliedna: €800 Miljun Investiment Fl-Istudenti U L-Edukaturi
Dan huwa baġit li jkompli fuq ta’ qablu, jinvesti bis-sħiħ fl-istudent u l-edukatur. L-istudent li huwa l-futur ta’ pajjiżna. L-edukatur li qed jindokra lill-istudent biex b’mod ħolistiku jkun iċ-ċittadin ta’ Malta ta’ għada. Hekk intqal fi stqarrija mill-Ministeru tal-Edukazzjoni.
“Kien għalhekk li matul ix-xhur ta’ sfidi waqt il-pandemija dinjija, dawwarna l-isfidi f’opportunitajiet. Opportunitajiet li tgħallimna minnhom u li qed imexxuna ’l quddiem. Opportunitajiet li qed naraw li nikkultivawhom biex minnhom jibbenefikaw l-edukaturi u l-istudenti tagħna. Iva, dan huwa baġit li jkompli jagħti aktar opportunitajiet lill-istudenti tagħna u lill-edukaturi tagħna”, spjegat il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana dalgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet fin-Nadur, Għawdex. Il-Ministru Caruana kompliet tispjega l-miżuri li hemm fil-baġit għas-sena 2022 marbuta mas-settur edukattiv.
Il-Ministru Caruana ħabbret ukoll miżura li toħroġ minn dan il-baġit, li minnha se jgawdu 1,300 student u edukatur Għawdxi li ta’ kuljum jaqsmu bejn il-gżejjer biex jitgħallmu jew jgħallmu u li issa se jkunu eliġibbli għall-‘EDU Fast Ferry Scheme”.
Din l-iskema taħseb biex l-istudenti li qed isegwu xi kors tal-Junior College, l-Università ta’ Malta u l-MCAST, u l-edukaturi Għawdxin li jaħdmu Malta jingħataw, rimbors meta jużaw il-fast ferry, irrispettivament ma’ liema operatur jivjaġġaw. Dawk eliġibbli jridu japplikaw online fuq il-website uffiċjali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni. L-applikazzjonijiet jagħlqu fit-3 ta’ Novembru 2021. L-operaturi tal-fast ferry se jagħtu ‘EDU Fast Ferry Card’ li tkun trid tintuża meta wieħed jagħmel użu tas-servizz. Ir-rimbors jingħata għal kull vjaġġ li jsir bil-fast ferry waqt il-ġranet fejn jingħata tagħlim matul is-sena skolastika. Il-ħlas isir b’lura, kull tliet xhur.
Il-Ministru Caruana qalet li dan il-baġit juri kemm dan il-Gvern jagħti prijorità lil dan is-settur. Fih hemm nefqa fuq investiment kapitali fl-edukazzjoni ta’ €93 miljun – tliet darbiet aktar minn dik tal-2012 u nefqa rikorrenti ta’ €704 miljun, aktar mid-doppju tan-nefqa tal-2012.
“Jekk tanalizza dawn il-figuri tara li fl-2012 in-nefqa kapitali fuq kull student f’dik is-sena skolastika kienet ta’ €560 u dik tal-2022 hija ta’ €1,670 fuq kull student. Fl-2012 in-nefqa rikurrenti fuq kull student f’dik is-sena skolastika kienet ta’ €5,800, filwaqt dik tal-2022 hija ta’ €12,645 fuq kull student”, qalet il-Ministru Caruana.
Dan huwa baġit li qed ikompli jinvesti f’kull qasam li jaqa’ taħt il-kappa tal-edukazzjoni, fl-infrastruttura edukattiva, fit-tagħlim, fl-apprendistat, fit-taħriġ u riċerka, u fuq kollox fl-edukatur. Dan billi se tkompli tissaħħaħ ukoll l-istatus tal-professjoni tal-edukaturi billi se tidħol fis-seħħ il-liġi li tirregola l-professjoni tal-edukaturi. Din għandha twassal biex tagħti status aktar professjonali lill-edukaturi tagħna kollha, irrispettivament f’liema livell ta’ edukazzjoni jgħallmu.
“Miżura għal qalbi ferm hija li kull Kap ta’ Skola tal-Istat minn Kinder sa’ Sekondarja se jingħata għotja medja ta’ €10,000 fis-sena, b’nefqa ta’ miljun ewro, biex naraw li t-tfal taħt is-superviżjoni tal-Kapijiet tal-Iskejjel tagħhom ma jkunux neqsin minn affarijiet bażiċi, b’nefqa ta’ €1 miljun”, qalet il-Ministru Justyne Caruana.