Kowċ Li Diġà Kien Instab Ħati Li Kkorrompa Minorenni, Jerġa’ Jitressaq Il-Qorti Fuq Każ Ieħor

 Kowċ Li Diġà Kien Instab Ħati Li Kkorrompa Minorenni, Jerġa’ Jitressaq Il-Qorti Fuq Każ Ieħor

Ilbieraħ instema każ fil-Qorti dwar anzjan li allegatament ikkorrompa tfajla ta’ 15-il sena meta kienet fdata fil-kura tiegħu bħala kowċ sportiv tagħha. L-istess akkużat kien diġà instab ħati li kkorrompa minorenni fis-snin sebgħin.

Ir-raġel li ismu ma jistax jixxandar b’ordni tal-qorti sabiex tkun protetta l-identita tal-vittma, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, fosthom li ripetutament issuġġetta tifla vulnerabbli għal imġiba offensiva, umiljanti u degredanti.

Fil-Qorti, l-Ispettur John Spiteri li mexxa l-Prosekuzzjoni qal li l-abbuż suspettat kien irrappurtat mill-Aġenzija Appoġġ wara li t-tifla fetħet qalbha u qalet lill-ħaddiema soċjali kif kienet sofriet l-avvanzi sesswali tar-raġel għal xhur qabel ma ressqet rapport. Ntqal li r-raġel kien jitlobha biex iwassalha għat-taħriġ u lura d-dar. Iżda waqt li kienet waħedha miegħu huwa allegatament kien imissilha sidirha u jpoġġi idu bejn saqajha fuq il-qalziet tagħha.

Il-Prosekuzzjoni kompliet tgħid li t-tfajla kienet tgħidlu biex jieqaf imma kien iwissiha biex ma tgħid lil ħadd biex ma ġġibux fl-inkwiet. It-tifla waslet f’punt li kellha bżonn l-għajnuna minn psikjatra taż-żgħażagħ wara li allegatament uriet ħsibijiet ta’ suwiċidju.

It-talba għall-ħelsien mill-arrest wasslet għal sottomissjonijiet twal, bil-prosekuzzjoni targumenta li l-proċeduri kienu għadhom fi stadju bikri ħafna u kien hemm biża’ li tiġi mbagħbsa l-evidenza.

L-avukati difensuri Franco Debono u Richard Sladden irribattaw li l-akkużat kien ikkoopera bis-sħiħ mal-investigaturi u kien lest li jissottometti ruħu għal superviżjoni minn uffiċjal tal-probation jew psikjatra kif il-qorti qieset xieraq. Kemm il-minuri kif ukoll ommha ma xtaqux jirrappurtaw il-kwistjoni lill-pulizija, irrimarkat id-difiża.

Finalment il-Maġistrat Marseann Farrugia ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba ir-riskju ta’ tbagħbis fl-evidenza, il-gravità tal-akkużi u l-kondotta kriminali tal-akkużat.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com