Ċittadini Maltin Se Jkunu Jistgħu Jaċċessaw Servizzi Virtwali Madwar L-Ewropa Permezz Tal-E-ID

 Ċittadini Maltin Se Jkunu Jistgħu Jaċċessaw Servizzi Virtwali Madwar L-Ewropa Permezz Tal-E-ID

Is-sistema tal-e-ID Maltija, amministrata mill-Aġenzija Identity Malta, kisbet l-ogħla ċertifikat ta’ sigurtà, kemm fuq livell lokali kif ukoll dak Ewropew. Fil-fatt, is-sistema Maltija tal-e-ID qiegħda fil-proċess li tiġi rikonoxxuta b’mod uffiċjali mill-eIDAS – il-faċilitatur ewlieni tal-Kummissjoni Ewropea għal tranżazzjonijiet siguri bejn pajjiż u ieħor.

Dan il-pass se jippermetti lil min għandu l-e-ID f’Malta jaċċessa firxa wiesa ta’ servizzi virtwali f’pajjiżi oħra Ewropej, bħal servizzi relatati ma’ taxxa u fil-qasam tas-saħħa.

Is-sistema tal-e-ID għaddiet minn assessjar rigoruż li sar minn speċjalisti Ewropej. Dan l-assessjar iffoka fuq is-sigurtà u l-awtentikar ta’ informazzjoni bejn il-fruntieri. Għall-ewwel darba kemm ilu jsir dan il-proċess, Identity Malta se tkun qed tassessja pajjiżi oħra li jistgħu jikkwalifikaw, bl-ewwel assessjar isir fuq l-iskema tal-Awstrija.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identity Malta, is-Sur Anton Sevasta, qal li permezz ta’ din is-sistema, ċittadini Ewropej jistgħu jużaw l-e-ID nazzjonali biex jaċċessaw servizzi online ta’ pajjiżi oħra fl-UE. Spjega li l-Karta tal-Identità Maltija u d-Dokumenti ta’ Residenza Elettronika, li tnedew dan l-aħħar, tfasslu mill-bidu nett b’mod li jippermetti din l-interoperabbiltà. Is-Sur Sevasta enfasizza li dan huwa paripassu mal-impenn tal-gvern biex aktar servizzi jkunu disponibbli online b’mod sikur.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet, Alex Muscat, qal li dan il-pass huwa ta’ benefiċċju kemm għan-negozji, kif ukoll għaċ-ċittadini u għas-servizzi tal-gvern Ewropej, għaliex jippromwovi l-fiduċja u l-konvenjenza fit-twettiq ta’ tranżazzjonijiet online.

“Dan huwa pass importanti ieħor fit-tnaqqis tal-burokrazija. Mhux biss qed innaqqsu l-proċessi bla bżonn internament, iżda qed niffaċilitaw ukoll il-ħajja għaċ-ċittadini Maltin meta jkollhom bżonn jaċċessaw is-servizzi pprovduti minn pajjiżi oħra”, qal is-Segretarju Parlamentari.

Huwa kkonkluda li l-Aġenzija Identity Malta qed tkun pijuniera fit-tfassil tat-triq sabiex ħajjet iċ-ċittadini tkun faċilitata kemm jista’ jkun billi tipprovdi servizzi online.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com