“Hawn Mhux Tal-Karnival Id-Dilettanti Imma L-Ministri Li Għandna” – Peter Agius

 “Hawn Mhux Tal-Karnival Id-Dilettanti Imma L-Ministri Li Għandna” – Peter Agius

“Id-dilettanti tal-Karnival kemm ser idumu titmejlu bihom?” Hekk qal il-Kelliem tal-PN Peter Agius fuq il-mezzi soċjali tiegħu wara li l-Ministru Jose Herrera waqt id-diskors tiegħu fil-Parlament reġa’ wiegħed il-Villaġġ tal-Karnival b’investiment ta’ €1.3 miljun.

Il-Ministru Herrera qal li minbarra l-imħażen tal-Karnival, ċentru interattiv u Mużew tal-Karnival, fil-kumpless il-ġdid se jinbnew studios għall-provi tal-mużiċisti, żeffiena u post fejn isiru laqgħat u korsijiet għall-artisti u dixxiplini varji oħrajn. Fil-kumpless se jinbena post li minnha se topera l-aġenzija Festivals Malta.

Fil-messaġġ tiegħu Peter Agius qal li din il-wegħda ilha li saret mil-2013.

Huwa kompla jgħid li “fl-2014 kienu taparsi sabu l-post, fl-2015 qalu se jinvestu 6 miljun, fl-2019 kienu qalu li se jkun lest 2020.”

“Issa, wara li Bernard Grech kixifkom fid-diskors tal-baġit – illum il-Ministru Herrera jammetti li għadu kollox fl-arja,” kompla jsostni Agius.

“Tal-mistħija. Hawn mhux tal-Karnival id-dilettanti imma l-Ministri li għandna,” temm jgħid Peter Agius.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com