Hospice Trid Tkompli Tagħti S-Servizz B’Xejn… X’inhu Jiġri?
Qed issir sejħa lill-pubbliku biex tingħata għajnuna lill-Hospice biex din tkompli tipprovdi s-servizzi ta’ kura palljattiva b’xejn lil dawk kollha li għandhom bżonn. Il-kampanja ġġib l-isem ta’ Sunflower Campaign.
Qed jitqassmu wkoll fuljetti bl-informazzjoni dwar il-kampanja, kif ukoll dettalji dwar kif tista’ tagħti donazzjoni, fid-djar kollha f’Malta u Għawdex.
Il-fondi li jinġabru ser jgħinu biex Hospice tkompli tagħti s-servizzi tagħha b’xejn, lill-pazjenti u lill-familji tagħhom. Ser ikompli jinbena St Michael Hospice; kumpless ġdid għall-pazjenti li jippermetti lil Hospice biex tkompli tespandi s-servizzi tant meħtieġa tagħha. Dan il-proġett ta’ espansjoni huwa importanti minħabba li n-numru ta’ pazjenti li jeħtieġu assistenza mill-Hospice qed jikber sena wara sena. Fl-2019 aktar minn 1,300 pazjent u l-familji tagħhom ibbenefikaw mis-servizzi tal-Hospice.
Il-pubbliku huwa mħeġġeġ biex jagħti d-donazzjoni tiegħu onlajn fuq www.hospicemalta.org jew billi jibgħat SMS vojt lil wieħed minn dawn in-numri:
5061 7384 €2.33
5061 8100 €4.66
5061 9234 €11.65
Donazzjonijiet jistgħu jsiru wkoll direttament fil-kontijiet bankarji ta’ Hospice Malta:
BOV IBAN No. MT30VALL22013000000010210645012
HSBC IBAN No. MT66MMEB44118000000011089901051
APS IBAN No. MT71APSB77057001198311198310019
LOM IBAN No. MT28LBMA05000000000001440104108
BNF IBAN No. MT49BNIF1450200000000003565181
COVID-19 kellu impatt negattiv fuq l-isforzi ta’ ġbir ta’ fondi ta’ ħafna NGOs b’konsegwenzi serji, spjega Kenneth Delia, CEO ta’ Hospice Malta. “Din is-sena rajna wkoll żieda fir-referenzi ta’ pazjenti ta’ età żgħira, li jeħtieġu s-servizzi tal-Hospice. Fil-każijiet kollha, aħna niżguraw li l-pazjenti jibqgħu fiċ-ċentru tal-kura pprovduta u nagħmlu ħilitna biex nipprovdu kura komprensiva kemm lill-pazjenti kif ukoll lill-familji tagħhom, permezz ta’ sessjonijiet ta’ terapija individwali jew f’gruppi, kif ukoll b’servizzi ta’ bereavement support. Dan kollu huwa pprovdut mingħajr ħlas lill-pazjenti u l-familji tagħhom.”
Is-sena 2020 hija sena ta’ sfida għal kulħadd. Dan kien ifisser ukoll tnaqqis sinifikanti fid-donazzjonijiet minħabba l-kriżi finanzjarja u l-maġġoranza l-kbira tal-avvenimenti kollha ta’ ġbir ta’ fondi li ġew ikkanċellati minħabba restrizzjonijiet tal-COVID-19.
“Is-Sunflower Campaign hija appell tagħna lill-pubbliku biex ikun ġeneruż u jgħin lil Hospice Malta biex tkompli tagħmel differenza fil-ħajja ta’ dawk li għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli, filwaqt li nonoraw l-għan tagħna li nkomplu nwasslu kura palljattiva komprensiva lil kull min għandu bżonn.”
Simbolikament, l-emblema tal-ġirasol tirrappreżenta kura palljattiva ċċentrata fuq il-pazjent u l-familja.
Hospice twaqqfet fl-1989. L-irwol ewlieni ta’ Hospice Malta huwa li jipprovdi u jippromwovi servizzi ta’ kura paljattiva lill-pazjenti li jbatu mill-kanċer, motor neuron disease, mard tal-qalb, respiratorju, tal-kliewi u tal-fwied. Prosit tassew tal-kuraġġ u s-sena ta’ altruwiżmu.
Ritratt: Sunflower Campaign/ Hospice Malta