Sudaniż Arrestat Fil-Marsa Wara Li Prova Jisraq Niġerjan B’Mod Aggressiv

 Sudaniż Arrestat Fil-Marsa Wara Li Prova Jisraq Niġerjan B’Mod Aggressiv

Sudaniż ta’ 45 sena residenti Birżebbuġa, ġie arrestat b’rabta ma’ attentat ta’ serqa u feriment li seħħ fil-Marsa.

Dalgħodu, għal xi l-ħdax u kwart, il-Pulizija ġiet infurmata b’argument viċin il-Ġnien 6 ta’ Awwissu, il-Marsa. Il-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU) u tal-Komunità tal-Marsa marru mill-ewwel fuq il-post, fejn sabu raġel ferut. Għalhekk intalbet l-assistenza medika u l-vittma ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura.

Minn stħarriġ li sar mill-Pulizija tad-Distrett irriżulta li raġel allegatament ipprova jisraq lill-vittma. Il-vittma, li ġie identifikat bħala Niġerjan ta’ 31 sena residenti l-Imsida, irreżista u l-aggressur allegatament tah daqqa’ ta’ mus f’idu u ħarab. Aktar tard, in-Niġerjan ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.

Il-Pulizija tar-RIU bdew mill-ewwel bit-tfittxija u fi ftit ħin innutaw persuna taqbel mad-deskrizzjoni tal-aggressur. Hekk kif marru fuqu, is-Sudaniż sar aggressiv, ma obdiex l-ordnijiet mogħtija u ġie arrestat. Minn tfittxija li saret fuqu nstabu żewġ armi li jaqtgħu u bil-ponta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija mid-Distrett tal-Ħamrun u tar-Reati Maġġuri għadhom għaddejjin.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com