L-Opri Tal-Ħniena Fiż-Żminijiet Tal-Lum – Ara Eżattament Xi Jfissru B’Mod Aktar Dettaljat

 L-Opri Tal-Ħniena Fiż-Żminijiet Tal-Lum – Ara Eżattament Xi Jfissru B’Mod Aktar Dettaljat

Dawn l-aħħar jiem fil-mezzi soċjali tqajmet diskussjoni dwar l-erba’ pitturi ġodda minn sett ta’ tmienja li l-pittur ċelebri Għawdxi Manuel Farrugia kien ikkummissjonat li jagħmel għall-Bażilika ta’ San Ġorġ f’Għawdex.

Dawn il-pitturi li ħa jkunu qed jeħlu fil-koppletti tal-Knisja li jissimbolizzaw l-Opri tal-Ħniena; is-sebgħa tradizzjonali flimkien mal-opra “Ħu ħsieb id-dar komuni” li żied il-Papa Franġisku.

Jidher li l-aktar waħda li qajmet diskussjoni kienet il-pittura fejn jidher Lassana Cisse, l-imigrant li ġie maqtul kiesaħ u biered f’Ħal Far.

Jista’ jkun li forsi mhux kulmin qed jikkummenta fehem eżattament s-suġġett u l-ħsieb wara kull pittura ta’ Farrugia għalhekk forsi nispiċċaw ngħidu kliem li lanqas biss jagħmel ġieħ lilna nfusna.

Dawn l-ewwel erba’ pitturi meqjusa fost l-aqwa xogħlijiet ta’ dan is-seklu li tlestew fis-sajf ta’ din is-sena għandhom is-suġġetti ta’; Il-Barrani, Il-Ħabsi u l-Vittma, il-Mejjet u l-Ħolqien. Ta’ min jinnota wkoll li apparti is-suġġett prinċipali fin-nofs tal-pittura wieħed jista’ jara figuri fuq kull ġenb li jirrappreżentaw is-soċjetà u l-knisja.

B’deskrizzjoni qasira fuq kull pittura li kienet ippubblikata mill-Bażilka ta’ San Ġorġ stess meta ġew imnedija dawn il-pitturi hawn taħt tistgħu tifhmu eżattament it-tifsira awtentika ta’ x’ried iwassal il-pittur lil min ikun qed jarahom.

Il-Barrani – “Kont barrani u lqajtuni” (Mt 25:35)

Fiċ-ċentru tal-pittura hemm il-figura tal-barrani, li għandha bħal dija wara rasha. Dan mhux għax hi figura ta’ qaddis, iżda għaliex il-kliem ta’ Ġesù hu ċar: “Jien il-barrani, u int x’se tagħmel? Dak kollu li għamilt mal-iżgħar fost dawn ħuti għamiltu miegħi”. Allura l-barrani hu Kristu li jridni nilqgħu. Il-barrani se jagħtini l-grazzja niltaqa’ ma’ Kristu. B’sinjal u stqarrija ċara, il-fattizzi tal-figura tal-barrani f’din il-pittura huma ta’ Lassana Cisse, ir-raġel li fis-6 ta’ April 2019 inqatel kiesaħ u biered f’pajjiżna għal motivi razzjali, għax hu barrani. Hi stqarrija li l-komunità Kristjana ma tistax ma tiddefendix lill-barrani. Lassana jiġbor taħtu lil dawk kollha madwar d-dinja li għal xi raġuni huma meqjusa barranin, fosthom nies ta’ razza jew etnija differenti, nies b’orjentament differenti, nies b’differenza fl-intelliġenza u l-abbiltà, persuni u Nsara ppersegwitati minħabba r-reliġjon.

Il-Ħabsi u l-Vittma – “Kont il-ħabs u ġejtu żżuruni” (Mt 25:36)

Fiċ-ċentru tal-pittura hemm il-figura tal-ħabsi ’l ġewwa mill-grada tal-ħabs. Il-pittur ħareġ b’mod intens il-wiċċ li juri sens ta’ qsim il-qalb. Meta wieħed jarah mill-qrib jinnota demgħa kbira nieżla f’nofs wiċċu. Iżda jekk naħsbu ftit fil-fatt ma nafux eżatt għalfejn hu ddispjaċut. Il-Mulej ma jispeċifikax x’tip għandu jkun il-ħabsi li għandna naqdu, jekk hux niedem jew le, jekk hux innoċenti jew ħati. Hu Kristu biss li jagħraf fil-verità l-qalb tal-bniedem. L-idejn marbuta bil-ktajjen jidher ċar li qed jitolbu ħniena. Il-ħabsi minkejja l-kruha taċ-ċella u l-irbit tiegħu għandu d-dija wara rasu għaliex il-Mulej qalilna: “Jien il-ħabsi. U int x’se tagħmel?”

Dettall importanti fil-figura tal-ħabsi hi l-qalb tnixxi d-demm minn taħt il-libsa. Il-ħabsi qatt ma jista’ jinfired mill-vittma. Il-ħabsi ħafna drabi hu nnifsu hu vittma. U l-vittma tal-ħażen ta’ ħaddieħor ħafna drabi tgħix fil-ħabs tal-esperjenza negattiva li mmarkatha. Dawn il-feriti ħafna drabi huma moħbija. Hu għalhekk li din il-figura ċentrali tissimbolizza kemm il-ħabsi u kemm il-vittma għaliex it-tnejn li huma marbutin għalkemm b’mod differenti. U lil Kristu nsibuh f’kulma nagħmlu magħhom.

Il-Mejjet – “Il-mejtin tiċħdilhomx il-ħniena tiegħek” (Sir 7:33)

Il-mewt hi ġrajja fundamentali fil-ħajja tal-bniedem. Iżda għall-Kristjan il-mewt m’għandhiex l-aħħar kelma. Il-figura ċentrali tal-pittura turi l-bniedem mejjet u mitluq. Il-kulur pallidu juri li l-mewt ġa seħħet u dan hu l-mument fejn qed jiġi mqandel. Il-mejjet minn qaddu ’l fuq hu mingħajr ħwejjeġ biex juri l-faqar u l-fraġilità tal-bniedem li quddiem il-mewt xejn minn dak li kien jew milli kellu f’ħajtu ma jista’ jipproteġih.

L-għajnejn tal-figura ċentrali naturalment huma magħluqin. Wara r-ras tal-mejjet hemm ileħħ id-deheb tal-preżenza ta’ Alla fil-bniedem f’din il-ġrajja kruċjali. Fl-Iskrittura nsibu diversi ġrajjiet li juruna li l-ġisem mejjet għandu jiġi meqjum. Insibu l-ġrajja ta’ Tobit li b’riskju għal ħajtu jidfen il-mejtin. Insibu d-difna ta’ Ġwanni l-Battista mid-dixxipli, id-difna u l-qawmien ta’ Lazzru, id-difna ta’ Ġesù minn Ġużeppi minn Arimatija, u d-difna ta’ Stiefnu. Il-qima mhix biss lejn il-ġisem tal-bniedem xbieha ta’ Alla u tempju tal-Ispirtu s-Santu, iżda wkoll lejn il-ħajja tal-bniedem li ma tmut qatt.

Il-Ħolqien – “U l-Mulej Alla ħa lill-bniedem u qiegħdu fil-ġnien tal-Għeden biex jaħdmu u jħarsu” (Ġen 2:15)

Il-ħolqien f’din il-pittura hu rrappreżentat permezz tal-art, il-muntanji, il-baħar, is-siġar u t-tjur li jirrappreżentaw l-ispeċi kollha tal-ħolqien. Fiċ-ċentru hemm tifla innoċenti li tirrappreżenta lill-bniedem li fih tinġabar is-sintesi u l-milja tal-ħolqien. Wara li għamel il-ħolqien, Alla ħares u ra li kollox kien tajjeb. Wara li ħalaq lill-bniedem xbieha tiegħu, Alla ħares lejn dak kollu li għamel u ra li kollox kien tajjeb ħafna.

Il-fatt li bħala figura l-artist poġġa tifla żgħira jrid juri li quddiemha għad għandha futur ta’ ħajja. L-għajnejn tat-tifla qed iħarsu dirett lejn min iħares lejn il-pittura. L-idejn qegħdin miftuħa biex jilqgħu. Iżda fil-ħolqien hemm kuntrast: hemm l-ambjent sabiħ li iktar ma tinżel ’l isfel jisfuma fi tkissir, kruha u ħmieġ. Dan hu rrappreżentat permezz tal-blokki tal-konkrit, swidija taż-żejt u plastik. Alla mill-kaos ħalaq is-sbuħija, filwaqt li l-bniedem bid-dnub, l-egoiżmu u r-rebgħa, mis-sbuħija jkisser u jġib il-kaos. L-idejn tat-tifla huma bħal miżien bejn l-armonija tal-ħolqien u l-kaos tat-tifrik tiegħu.

Informazzjoni minn fuq FEJN HU ĦUK? Parroċċa San Ġorġ u l-paġna ta’ Manuel Farrugia.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com