“Il-Gvern Laburista Falla Milli Jtejjeb Is-Sitwazzjoni Ta’ Konġestjoni Tat-Traffiku” – Il-PN

 “Il-Gvern Laburista Falla Milli Jtejjeb Is-Sitwazzjoni Ta’ Konġestjoni Tat-Traffiku” – Il-PN

“Kif jistgħu jixhdu ħafna nies, matul dawn l-aħħar ġimgħat it-toroq Maltin qed jesperjenzaw żieda fil-konġestjoni tat-traffiku minkejja li l-gvern nefaq miljuni kbar fi proġetti infrastrutturali. Dan għaliex l-investiment ma kienx wieħed għaqli li jindirizza l-problema darba għal dejjem, iżda sempliċiment ippospona l-problema.”

Dan qalu l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għat-Trasport u Infrastruttura, Toni Bezzina fi stqarrija fejn saħaq li fl-aħħar statistiċi tal-NSO, l-ammont ta’ vetturi fit-toroq baqa’ jiżdied b’rata eċċessiva u għalhekk l-effett tal-miljuni li nefaq il gvern fuq proġetti infrastrutturali intilef mal-ewwel.

“Altru minn hekk, minkejja li b’tant pompa il-gvern riċentement ħabbar li se jibda proġett ta’ trasport tal-massa, fil-Budget li għadu kif ippreżenta ma allokax ewro waħda sabiex jinbeda x-xogħol fuqu,” kompla jsostni Bezzina fl-istqarrija f’isem il-PN.

Huwa kompla jtenni li fir-rigward tat-trasport pubbliku, s’issa ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-gvern se jtejjeb dan is-servizz billi: Iżid il-frekwenza fuq ċertu rotot, jżid l-ammont ta’ vetturi disponibbli, jaġġorna l-iskeda sabiex taqdi aktar nies b’mod aħjar u jindirizza n-nuqqasijiet li jinsabu fuq Tal-linja App.

Il-Kelliem tal-PN Toni Bezzina temm jgħid li pajjiżna jeħtieġ gvern li jagħti prijorita lill-qasam tat-trasport, billi jipprovdi soluzzjonijiet long-term li jsewwu u mhux jipposponu l-problema.

Ritratt: Facebook

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com