“Se Nħallu L-Fiduċja Tirrenja Fost Il-Familji U N-Negozji Ħalli Nibqgħu Mexjin ‘Il Quddiem” – Il-PM

 “Se Nħallu L-Fiduċja Tirrenja Fost Il-Familji U N-Negozji Ħalli Nibqgħu Mexjin ‘Il Quddiem” – Il-PM

“Aħna Gvern li fl-aktar kriżijiet diffiċli, dejjem nagħżlu li nkunu man-nies u n-negozji…Aħna rridu nibqgħu nfittxu s-soluzzjonijiet. Mhux dejjem se jkunu faċli imma nsibuhom.”

Hekk qal il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela f’intervista fuq ONE Radio dwar l-isfidi internazzjonali fil-prezz tal-enerġija.

“Il-Maltin jafu li fl-aħħar snin żammejna l-orħos kontijiet, ferm orħos minn dawk f’pajjiżi oħra u meta ġie mument ta’ diffikulta fl-eqqel tal-ewwel mewġa tal-pandemija raħħasna l-prezz tal-fuel.

Dan il-ħsieb jien ħadtu wkoll fuq livell internazzjonali. B’mod partikolari f’kuntest ta’ Kunsill Ewropew fejn iltqajna l-mexxejja kollha tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u din kienet waħda mill-ikbar issues li kellna fuq l-aġenda.  Bħalissa hawn waħda mill-ikbar pressjonijiet f’ħafna snin u kif rajna fil-pandemija, l-ebda pajjiż mhu eskluż mill-effetti ta’ kriżijiet ta’ dan il-kobor.

Fl-istess ħin nemmen, u sħaqt li għandu jkun rikonoxxut kif kull pajjiż għandu ċirkostanzi speċifiċi.”

Il-Prim Ministru spjega wkoll li pajjiżna issa mar ukoll għal enerġija aktar nadifa meta hemm min għadu juża l-faħam. Minħabba r-realta’ differenti minn pajjiżi oħra għax pajjiżna għandu biss kumpanija waħda li tipprovdi l-enerġija, il-Prim Ministru saħaq li bħala Gvern irnexxielu jikkonvinċi lill-pajjiżi l-oħra biex fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ikun hemm referenza kontinwa għal dawn ir-realtajiet.

“Mhux se naċċetta li l-pressjoni internazzjonali ta’ żieda fil-prezzijiet naqbdu u nixħtuha fuq il-konsumatur qisu xejn mhu xejn,  kif kien isir fi gvernijiet oħra li kienu jgħidu rridu nidraw kontijiet għoljin u li qatt ma kienu se jerġgħu jorħsu.

Gvern Laburista raħħas dawn il-kontijiet u llum għandna fost l-irħas kontijiet fl-Unjoni Ewropea.”

Robert Abela tenna l-fiduċja li teżisti f’pajjiżna li qed twassal biex jinħolqu aktra impjiegi, aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ u l-ħaddiema Maltin.

“Qed nibqgħu nattiraw investiment wara ieħor.

U bilfors tkun sodisfatt meta tmur f’postijiet bħal dawn u jgħidulek li f’pandemija għaddejja madwar id-dinja u l-ikbar sfidi li jsemmulek hi li għandhom bżonn iktar ħaddiema.”

Il-Prim Ministru qal ukoll kif bħala pajjiż saru miri ambizzjużi biex insiru carbon neutral u jitkattar l-investiment b’mod sostenibbli.

“Sabiħ li tara dan l-aptit li n-negozji jirkbu fuq il-ħtieġa ta’ bidla anke mil-lat ta’ sostenibbiltà.”

Huwa sostna wkoll kif dan il-messaġġ irid jasal ukoll fl-arena internazzjonali.

“Fil-jiem li ġejjin se nattendi l-COP 26 u hemm se nwasslu l-messaġġ tagħna bħala pajjiż żgħir li lesti ngħamlu l-partit tagħna, iżda li nifhmu wkoll kif kulħadd irid jagħmel il-partit tiegħu għax dak li ma jagħmilx ħaddieħor ikollu impatt fuqna wkoll.”

Il-prinċipju marbut mal-Emerġenza Klimatika jitlob lill-istati membri kollha biex flimkien jikkontribwixxu għall-proċess ta’ dekarbonizazzjoni, ibiddlu r-rotta tal-pajjiżi rispettivi tagħhom ħalli jipprevjenu t-tisħin globali u l-estinzjoni tal-ħajja fuq il-pjaneta tagħna.

“It-trasformazzjoni tal-mudell ekonomiku tagħna f’wieħed iktar newtrali klimatikament, iwassalna biex inkunu minn ta’ quddiem bħala nazzjon li jmexxi stati żgħar oħra bħal tagħna, billi naqsmu l-esperjenzi, niddiskutu l-għażliet li għandna quddiemna, intejbu l-ħiliet tal-ħaddiema tagħna biex nibqgħu kompetittivi u reżiljenti.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com