“Illum M’Huwhiex Jum Bħall-Oħrajn” – Il-Ministru Owen Bonnici

 “Illum M’Huwhiex Jum Bħall-Oħrajn” – Il-Ministru Owen Bonnici
“Illum m’huwiex jum bħall-oħrajn. Illum bħala poplu Malti u Għawdxi qed niċċelebraw anniversarju li għandu jagħmilna lkoll kburin. Illum qed niċċelebraw il-100 sena – seklu sħiħ – minn mindu missirijietna u ommijietna kisbu l-ewwel Parlament mill-Maltin għall-Maltin.”
Hekk saħaq il-Ministru Owen Bonnici fejn ta spjegazzjoni dwar l-istorja ta’ Maltin li eleġġew Maltin biex jieħdu ħsieb xi parti mill-amministrazzjoni ta’ pajjiżna tul is-snin.
Spjega kif dan ma jfissirx lanqas li l-Parlament baqa’ attiv matul il-100 sena kollha, tant li kienu diversi drabi meta l-Kostituzzjonijiet ġew sospiżi.
“Ma jfissirx lanqas ukoll li 100 sena ilu l-Parlament kien espressjoni ta’ indipendenza legali u ħelsien sħiħ fattwali. Kellhom jgħaddu ġenerazzjonijiet sħaħ sakemm dawn inkisbu fl-1964 u fl-1979.
Iżda fl-1 ta’ Novembru, 1921 għandu jibqa’ mmarkat fil-qlub u l-imħuħ tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Għax dan l-avveniment ġie frott iċ-ċarċir tad-demm sentejn u nofs qabel ta’ Maltin li rvillaw fit-toroq tal-Belt għal iktar drittijiet. Għax dan kollu seħħ sforz il-bravura ta’ Maltin kbar bħal Dr Filippu Sciberras u tant Maltin oħrajn.
Għax dan kien pass importanti ‘l quddiem biex niksbu rajna f’idejna u jkollna demokrazija b’saħħitha bħalma kellhom ġnus oħra fl-Ewropa u ‘l hinn.”
Dakinhar, 27,104 persuna kienu tefgħu l-vot tagħhom fl-ewwel elezzjoni ġenerali li seħħet fix-xahar ta’ qabel il-ftuħ tal-Parlament. Il-Ministru Owen Bonnici fisser kif dan kien Partit żgħir li kien għadu kif ifforma bl-isem ta’ Partit Laburista kiseb 4,742 vot u seba’ deputati. Il-Partit Laburista kien kiseb ukoll żewġ siġġijiet fis-Senat.
“36,525 jum wara dak l-avveniment storiku jien kburi immens li qiegħed nirrappreżenta lill-poplu Malti u Għawdxi fl-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna u, iktar minn hekk, li qed nagħmel hekk fl-interess tal-Partit Laburista. Viva Malta tagħna!”, temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com