Jason Azzopardi Misjub Ħati Bi Ksur Ta’ Privileġġ Fil-Konfront Ta’ Rosianne Cutajar
L-Ispeaker Anġlu Farrugia sab lill-Membru Parlamentari Nazzjonalista Jason Azzopardi ħati ta’ ksur ta’ privileġġ fil-konfront tal-Membru Parlamentari Laburista Rosianne Cutajar.
Dan wara li lbieraħ filgħodu Rosianne Cutajar ressqet ilment dwar ksur ta’ privileġġ dwar post li kiteb id-Deputat Jason Azzopardi fuq il-mezzi soċjali tiegħu. Huwa fil-kitba tiegħu qal li Cutajar nhar it-12 ta’ Novembru 2018 Cutajar użat lingwaġġ vulgari fil-konfront tiegħu waqt dibattitu Parlamentari.
Rosianne Cutajar saħqet li hi qatt ma użat dan il-lingwaġġ la ma’ Jason Azzopardi u lanqas ma’ ebda Membru Parlamentari ieħor.
L-Ispeaker ordna biex Jason Azzopardi jirtira dan id-diskors fl-ewwel opportunita’ li jkollu fil-Parlament kif ukoll li jħassar il-post tiegħu minn fuq Facebook.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia nnota wkoll li peress li Azzopardi jinsab imsiefer fuq xogħol parlamentari is-Sedja se tkun qed tistieden lil Jason Azzopardi biex jirtira dan il-kliem wara li jiġi lura Malta.
Fin-nuqqas li jagħmel dan, il-każ jitla’ quddiem il-Kumitat Parlamentari dwar il-privileġġi.
Ritratt: Facebook